L-aħħar stadju tal-Absa Cape Epic fl-Afrika t’Isfel ġab miegħu taħlita ta’ emozzjonijiet u sodisfazzjon hekk kif l-edizzjoni tal-2026 intemmet fi Stellenbosch u sodisfazzjoni għat-tliet timijiet Maltin li kkompetew.
Wara ġranet ta’ terren iebes, tlajja bla waqfien u kundizzjonijiet li dejjem jinbidlu, l-aħħar kilometri offrew mument rari ta’ riflessjoni u għal uħud, ta’ ċelebrazzjoni.
Għal Malta, kien suċċess sinifikanti, hekk kif it-tliet timijiet irnexxielhom jaslu sat-tmiem ta’ waħda mill-aktar tlielaq ta’ mountain biking diffiċli fid-dinja.
Team Gaudos bi Stephen Grima u Brandon Sultana għal darb’oħra sfruttaw l-esperjenza tagħhom fil-Cape Epic, adottaw approċċ stabbli u kalkulat li ta l-frott matul il-ġimgħa kollha biex kisbu riżultat
ieħor ta’ suċċess.
Team Gaudos temmew il-Cape Epic b’ħin totali ta’ 41 siegħa 1 minuta u 4.3 sekondi, fejn temmew fit-81 post fil-kategorija Open Men u fil-212-il post overall.
Epic Team Deloitte b’ Luke Borg u Mark Bonnici temmew dak li jista’ jiġi deskritt bħala debutt ta’ suċċess kbir. Minkejja għadd ta’ problemi huma wrew reżiljenza u kontroll tul il-ġimgħa ta’ kompetizzjoni, u komplew jitjiebu ma’ kull stadju.
Huma temmew f’40 siegħa u 52.1 sekondi biex temmew fit-73 post fil-kategorija Open Men u t-190 post overall.
Għal Team Kalamba Racing b’Etienne Bonello u Marie Claire Aquilina), il-linja finali kellha tifsira aktar profonda wara d-diżappunt tas-sena li għaddiet, meta minħabba injury ta’ Aquilina kellhom
jirtiraw kmieni bħala tim. Huma temmew b’riżultat impressjonanti ta’ 19-il post fil-Mixed Category, f’ 44 siegħa 56 minuta 47.9 sekondi.


