“Il-ħidma tal-Malta Red Cross hija eżempju ċar ta’ kompassjoni u servizz lejn il-komunità. Huwa importanti li dawn l-entitajiet jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ biex ikunu jistgħu jkomplu jwettqu l-missjoni tagħhom u jsalvaw il-ħajjiet.”
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel lis-Soċjeta Maltija tas-Salib l-Aħmar, f’Pembroke.
Mal-wasla tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ntlaqa’ mic-CEO Paulette Fenech, mill-President Edward Gruppetta u mic-Kap tal-Operazzjonijiet Robert Brincau, fejn seta’ jifhem aħjar il-ħidma uminatarja li jwettqu u s-servizzi essenzjali li joffru lill-komunità ta’ kuljum.






Matul iż-żjara tiegħu, Alex Borg ingħata tagħrif dwar il-ħidma kontinwa tal-organizzazzjoni; fosthom ir-rispons f’emerġenzi, taħriġ fl-ewwel għajnuna, inizjattivi fil-komunità u l-appoġġ lil persuni vulnerabbli.
Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista id-diriġenti ta’ din l-organizzazzjoni ddiskutew l-isfidi li qed jiffaċċjaw, inkluż iż-żieda fid-domanda għas-servizzi u l-ħtieġa ta’ aktar riżorsi.
F’kummenti lil Net News Alex Borg faħħar id-dedikazzjoni u l-impenn tal-voluntieri u l-persuni kollha li jaħdmu qatigħ sabiex jgħinu lil min jiġi bżonn is-servizz tagħhom madwar Malta.
Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers, Graziella Galea u David Agius.
//= $special ?>

