Lokali

“Ħidma siewja b’enfasi fuq is-solidarjetà u l-umanità” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu żar il-kwartieri tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar f’Pembroke, fejn seta’ jara l-ħidma siewja li ssir minn din l-NGO, partikolarment biex tingħata l-ewwel għajnuna, iżda mhux biss.

Hu ntlaqa’ mill-President Edward Gruppetta flimkien ma’ membri oħrajn tat-tmexxija. Waqt iż-żjara, Alex Borg iltaqa’ ma’ ħaddiema u voluntieri tas-Soċjetà li ta’ kuljum jagħtu sehemhom biex joffru wkoll servizzi essenzjali lill-komunità.

Il-Kap tal-PN sema’ kif is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar tipprovdi assistenza f’diversi oqsma, fosthom f’każi ta’ emerġenzi, għajnuna soċjali, servizzi ta’ first aid u appoġġ lil persuni vulnerabbli. Hu rrikonoxxa kif bil-ħidma tagħha, tikkontribwixxi b’mod konkret għall-benesseri tas-soċjetà Maltija, b’enfasi fuq is-solidarjetà u l-umanità.

Akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Volontarjat David Agius u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni Graziella Galea, Alex Borg kellu l-opportunità jisma’ dwar ix-xogħol li jsir kuljum, kif ukoll dwar l-isfidi li tiffaċċja l-organizzazzjoni fil-qadi tal-missjoni tagħha.

Hu tenna l-apprezzament tiegħu lejn il-ħidma siewja tal-ħaddiema u l-voluntieri, kif ukoll faħħar l-impenn tagħhom favur il-komunità.