Internazzjonali

Il-Gwerra fil-Golf: Jonqos il-prezz taż-żejt, bi Trump jiżvela li l-Iran huwa dispost għal ftehim

Il-prezzijiet globali taż-żejt u l-gass naqsu kważi immedjatament wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li pajjiżu u l-Iran kellhom taħditiet ‘produttivi’ dwar riżoluzzjoni għall-gwerra fil-Golf li daħlet fit-tielet ġimgħa.

Ir-rapporti nisslu ftit tan-nifs fis-swieq internazzjonali, bil-prezz taż-żejt mhux irraffinat ta’ Brent crude jinżel bi 13 fil-mija għal $96 il-barmil u bil-prezzijiet tal-gass ukoll jonqsu b’madwar għaxra fil-mija.

Minkejja li s-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Golf qed tibqa’ fluwida u imprevedibbli, is-swieq mistennija jistabbilizzaw wara li Trump ikkonferma li qed iwaqqaf l-attakki tal-ajru pjanati fuq il-faċilitajiet tal-enerġija u infrastruttura oħra fl-Iran għal perjodu ta’ ħamest ijiem.

Trump, issa, qed jinsisti li l-prezz taż-żejt għandu jinżel drastikament f’każ ta’ ftehim formali mal-Iran għall-waqfien tal-gwerra. Hu kompla li, għalissa, ma jista’ jiggarantixxi xejn, anki jekk iċ-ċansijiet ta’ ftehim qegħdin jidhru sostanzjali.

Mifhum li l-Istati Uniti u l-Iran qed jiddiskutu 15-il punt għat-tmiem tal-gwerra, bi Trump jinsisti biex, akkost ta’ kollox, ir-reġim Iżlamiku ma jkomplix bil-proġetti nukleari.

Il-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, sadanittant, ċaħad li saru t-taħditiet li rrefera għalihom Trump.Madankollu, il-President Amerikan kompla jinsisti li t-taħditiet immexxija mir-Rappreżentanti tiegħu, Steve Witkoff u Jared Kushner, għandhom iwasslu għal żviluppi pożittivi.

Trump sostna li jekk kollox jimxi sew waqt il-posponiment tal-attakki fuq l-Iran, għandu jkun hemm soluzzjoni għal din il-gwerra. Fl-istess ħin, il-Mexxej Amerikan qal li jekk l-Iran ‘jabbuża minn din is-sitwazzjoni’ l-attakki fuq il-pajjiż għandhom ikomplu b’intensità akbar minn qatt qabel.

Donald Trump, fi tmiem il-ġimgħa, kien ħabbar deadline ta’ 48 siegħa lill-Iran biex jerġa’ jiftaħ ir-Rotta ta’ Hormuz li minnha jgħaddu mal-20 fil-mija tal-kunsinni taż-żejt destinati għall-pajjiżi tad-dinja. Fl-istess ħin, il-President Amerikan u l-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, waqt telefontata, qablu li l-ftuħ mill-ġdid ta’ din ir-Rotta hi essenzjali għall-kummerċ fuq livell globali.

Intant, l-aħħar messaġġi ta’ Trump qed jidhru bħala l-aktar konċiljatorji mill-bidu ta’ din il-gwerra. U l-President, waqt kummenti lill-istampa, żvela li qed ikollu l-kuntatti ma’ persuna għolja fil-Ġerarkija Iżlamika tal-Iran ‘ u li l-persuna mhix il-Mexxej Suprem ġdid Iranjan, Mojtaba Khamenei. ‘

Donald Trump qal ukoll li hu u l-Gvern tiegħu ma jafux jekk Mojtaba, fil-fatt, għadux ħaj wara l-aħħar jiem ta’ attakki bil-missili ta’ preċiżjoni fuq iċ-ċentri tal-kontroll f’Teheran.