Lokali

Il-Parroċċa ta’ Santa Marija f’Birkirkara b’numru ta’ attivitajiet għall-Ġimgħa Mqaddsa

Fl-okkażjoni tal-festi tal-Għid 2026, il-Parroċċa ta’ Santa Marija f’Birkirkara se tkun qed ittella’ numru ta’ attivitajiet. Liema attivitajiet jibdew fis-27 ta’ Marzu u jilħqu l-qofol tagħhom fil-5 t’April.

Il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu, il-ġurnata se tibda b’quddiesa fit-8:00 am intant fil-5:15 pm se jkun hemm ħin ta’ talb fi skiet filwaqt li jkun hemm ukoll il-qrar. Apparti minn hekk fis-6:00 pm ser ikun hemm quddiesa bil-kant u l-omelija u wara se jsir ukoll mument ta’ riflessjoni fuq id-duluri t’ommna Marija. Fl-aħħar tingħata l-Barka Sagramentali.

Is-Sibt 28 ta’ Marzu proprju lejlet Ħadd il-Palm se ssir quddiesa fis-06:00 pm – bil-qari tal-Passjoni skont San Mattew. Il-Quddiesa ser tkun animata permezz tal-kor “Fjuri tal-Madonna”.

Il-Ħadd 29 ta’ Marzu, fis-7:00 u fit-8:30 ta’ filgħodu ser issir Quddies bil-qari tal-Passju. Fl-10:00 am imbagħad se ssir ċelebrazzjoni tat-tberik tal-palm u l-friegħi taż-żebbuġ fuq iz-zuntier tal-knisja. Wara se ssir ukoll purċissjoni sal-knisja u se tiġi ċċelebrata quddiesa solenni bil-kant u l-qari tal-passjoni skont San Mattew. Janima l-kor ‘ilħna ta’ tifħir’. Fis-6:00 pm mbagħad issir quddiesa bil-qari tal-Passju.

It-Tnejn 30 ta’ Marzu, fis-06:00 pm se ssir quddiesa bis-sehem tat-tfal tad-dutrina, l-familji u l-katekisti. Intant, it-Tlieta 31 ta’ Marzu se ssir quddiesa bil-kant u ħsieb qasir. Wara ċelebrazzjoni “il-ktieb il-kbir” u riflessjonijiet fuq Kristu Msallab. L-Erbgħa l-1 t’April, fis-6:00 pm se ssir quddiesa bil-kant u ħsieb qasir. Wara tintalab il-Via Crucis fi Ġnien l-Istazzjoni.

F’Ħamis ix-Xierka, fis-06:30 pm, se ssir Quddiesa solenni konċelebrata li tinkludi l-ħasil tar-riġlejn.Fi tmiem il-quddies Ġesu Sagramentat jittieħed proċessjonalment lejn l-Artal tar-Repożizzjoni. Fit-8:15 pm hemm hemm il-viżti organizzati. u fl-10:15 pm se ssir sahra ta’ talb, li tintemm bit-talba t’għeluq il-jum.Il-knisja tagħlaq fil-11:00 pm.

Il-Ġimgħa 3 t’April, fis-7:00 am titfaħ il-knisja. Fit-8:30 am isir talb tal-Uffiċċju Divin. Adorazzjoni fis-skiet u qrar. Fis-02:30npm terġa’ tiftaħ il-knisja u fit-03:00 pm issir tifkira solenni tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej, bil-Qari tal-Passjoni skont San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-tqarbin imqaddes.

Sibt 4 t’April propju f’jum l-Għid, fit-8:00 pm se ssir vġili Solenni tal-Għid li jinkludi t-tberik tan-nar, il-qari tal-iskrittura, ir-rit tal-Magħmudija u l-Liturġija Ewkaristika.

L-attivitajiet jaslu fi tmiemhom il-Ħadd 5 t’April b’quddies bil-kant u bl-omelija li se ssir fis-07:00 am u t-08:30 am. Fl-10:00 am mbagħad issir quddiesa solenni bis-sehem tat-tfal u l-familji tagħhom. Wara jitbierku u jitqassmu l-figolli lit-tfal preżenti.