Lokali

“In-nies qed jgħixu ħajja ferm trankwilla” – Alison Zerafa Civelli

Ritratt: Matthew Tabone

Iż-żieda fil-prezzijiet diġà qed tinħass fil-merkanzija

“In-nies qed jgħixu ħajja ferm trankwilla.”

Hekk sostniet is-Segretarju Parlamentari Laburista Alison Zerafa Civelli meta t-Tnejn filgħodu kienet affaċċjata b’domandi dwar l-għoli tal-ħajja u l-piż tal-prezzijiet. Fl-istess jum li fih esperti fil-qasam tal-informatika u sidien ta’ kumpaniji tkellmu mal-ġurnal Times of Malta dwar il-fatt li l-prezzijiet diġà qed jiżdiedu kawża taż-żieda fil-prezz taż-żejt – liema żieda qed twassal biex l-ispejjeż tal-importazzjoni tal-merkanziji bil-vapuri diġà żdiedu b’20%.

Sorsi li tkellmu mat-Times spjegaw li kawża taż-żieda fil-komponenti ta’ diversi oġġetti magħmula fost l-oħrajn mill-plastik, laptops li kienu jimportawhom għall-prezz ta’ €700 kull wieħed issa qed jiswewhom mal-€1,200 kull wieħed – kważi d-doppju.

Dwar din iż-żieda staqsejna kif se jkun qiegħed jilqa’ għaliha l-Gvern fejn sfortunatament il-prezzijiet mistennija jgħollu rashom serjament. B’Zerafa Civelli insistiet li l-familji huma trankwilli.

Staqsejna wkoll lis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti illi qalilna li Robert Abela kien sfortunat li kellu kriżi wara oħra; iżda skont hu, il-passat garanzija tal-futur.

U wara li ta x’jifhem li l-Gvern mhux se jerġa’ jagħmel l-iskema tal-vawċers bħal m’għamel fi żmien il-pandemija, għadu mhux ċar x’inhu l-pjan tal-membri tal-Kabinett biex jilqgħu għaż-żieda fil-prezzijiet u jissalvagwardjaw l-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.