Edukazzjoni Lokali

“Inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni bħala pilastru ewlieni għall-iżvilupp ta’ pajjiżna” – Alex Borg

“Ma nistgħux nibnu futur b’saħħtu jekk ma ninvestux bis-serjetà fl-edukazzjoni u fil-persuni li jagħmluha possibbli.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, f’laqgħa li kellu mal- Assoċjazzjoni tal-istaff Akkademiku tal-Università ta’ Malta, l-UMASA – laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Matul il-laqgħa, ġew diskussi diversi temi relatati mal-edukazzjoni terzjarja, fosthom il-finanzjament tal-università, il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi u l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-akkademiċi fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

Fil-messaġġ tiegħu, Alex Borg enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni bħala pilastru ewlieni għall-iżvilupp tal-pajjiż.

Żied jgħid li hemm bżonn ta’ viżjoni fit-tul li tagħti stabbiltà u rispett lill-professjoni akkademika.

Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-UMASA saħqu fuq il-ħtieġa ta’ impenn aktar b’saħħtu mill-awtoritajiet sabiex jiġi żgurat li l-istaff akkademiku jkollu l-appoġġ meħtieġ biex ikompli joffri edukazzjoni ta’ livell għoli.

Għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Justin Schembri u Bernice Bonello.