Lokali

Ix-xewqa ta’ Jasmine hi li tagħmel kunċert bil-mużika tagħha

“Importanti li dejjem temmen fik innifsek – u din il-kanzunetta bil-kliem u l-mużika tagħha ħeġġewni ma naqta qalbi qatt.” Kien dan il-messaġġ li waslet il-kantanta Jasmine – ir-rebbieħa tal-Festival ‘Mużika Mużika’ – liema konkors ra lil din il-kantanta lokali tirbaħ bil-kanzunetta ‘Nistaqsi’.

F’intervista ma’ Net News, Jasmine fakkret li l-vjaġġ tal-karriera mużikali tagħha kien wieħed ta’ tlugħ u nżul; madanakollu b’ħafna xogħol u mħabba għal dak li tagħmel, waslet għar-riżultati mixtieqa.

Kien hawn fejn waslet messaġġ sabiex ħadd ma jaqta’ qalbu – u sabiex dejjem tibqa’ tiġri wara l-ħolm tiegħek.

Dan apparti li rringrazzjat wkoll lil bosta li kienu magħha tul dan il-vjaġġ ….  mhux biss ta’ Mużika Mużika imma anke tul il-karriera tagħha.

Jasmine spjegat magħna wkoll is-sinifikat tal-kanzunetta rebbieħa ‘Nistaqsi’, miktuba minn Glenn Vella, b’mużika ta’ Philip Vella.

B’Jasmine tisħaq li l-kanzunetta titratta vjaġġ ta’ persuna li għaddiet minn tbatija u sitwazzjonijiet iebsa – persuna li tiddubita minnha infisha, peró li taf wkoll li dan il-vjaġġ għallimha li bil-perseveranza tkun lesta għall-isfidi tal-futur.

Waqt ‘Mużika Mużika’ spikkat il-vuċi impekkabli tal-kantanta Jasmine – kantanta li issa għandha xewqa oħra- li tagħmel kunċert. Dan apparti li tibqa’ ffukata tipproduċi kanzunetti ġodda tul iż-żmien li ġej.

Intant, waqt Mużika Mużika…fit-tieni post ikklassifikat il-kanzunetta ‘Niftakarna’, b’interpretazzjoni ta’ Daniel Cauchi, lirika ta’ Michael Spagnol u mużika ta’ Daniel Cauchi, Chris Gatt u Robert Spiteri

Filwaqt li fit-tielet post klassifikat il-kanzunetta ‘Int u Jien’, b’interpretazzjoni ta’ Kevin Paul, lirika ta’ Kevin Paul, Edward Abela u Matthew James u mużika ta’ Kevin Paul, Edward Abela u Matthew James.