Internazzjonali

L-Elezzjonijiet madwar l-Ewropa: Rebħa minima għal Golob fis-Slovenja u suċċess għas-CDU ta’ Merz fil-Ġermanja

Il-Prim Ministru liberali tas-Slovenja, Robert Golob, kiseb rebħa minima fuq l-avversarju populista konservattiv fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd u meta mistenni li  jifforma koalizzjoni mal-partiti ż-żgħar matul il-jiem li ġejjin.

Għalkemm il-Partit fil-Gvern naqas mill-maġġoranza, kollox qed jindika li s-Slovenja, wara dan ir-riżultat, għandha tkompli bil-politika tagħha bħala membru proattiv tal-Unjoni Ewropea u alleata tal-Ukrajna.

Qabel l-elezzjoni kien hemm periklu li l-konservattivi ta’  Janez Janša, il-Kap tal-Partit Demokratiku Sloven u rivali kbir ta’ Golob, kienu se jressqu lis-Slovenja eqreb l-orbita tar-Russja. Dan f’sitwazzjoni fejn huma kellhom jiksbu l-akbar appoġġ fuq livell nazzjonali.

Ir-riżultat, madankollu, kien qrib ħafna skont l-aħħar ċifri minn Ljubljana – bil-partit ta’ Golob jikseb 28.6  fil-mija tal-appoġġ popolari kontra t-28.2 fil-mija għall-konservattivi ta’ Janša.

Fil-Ġermanja, il-Partit CDU tal-Kanċillier Friedrich Merz rebaħ l-elezzjoni importanti f’Rhineland-Palatinate biex ħa l-kontroll ta’ dan l-Istat mingħand is-Soċjal Demokratiċi – is-sieħba fil-koalizzjoni li qed tamministra lill-pajjiż minn Berlin.

Is-CDU kiseb madwar 31 fil-mija tal-vot kontra s-26 fil-mija tal-SPD – liema riżultat jimla lill-partit b’kuraġġ wara li kien tilf l-elezzjoni fl-Istat ta’ Baden-Wurttemberg, aktar kmieni fix-xahar.

Is-CDU u l-SPD, issa, mistennija li jiffurmaw koalizzjoni fuq livell ta’ Stat f’Rhineland-Palatinate – fuq l-istess linji tal-koalizzjoni f’Berlin.

Sadanittant, nhar il-Ħadd, sar it-tieni rawnd tal-elezzjonijiet lokali importanti fi Franza fejn il-Partit Rally Nazzjonali estremista, immexxi minn Marine Le Pen, naqas milli jirbaħ fi bliet kruċjali bħal Pariġi, Lyon, Lille u Marsilja.

B’hekk, dan il-partit li hu kontra l-immigrazzjoni, qed jevalwa l-għażliet futuri qabel l-elezzjonijiet għall-Presidenza ta’ Franza li jsiru s-sena d-dieħla. L-elezzjoni f’Pariġi, sadanittant, ikkonfermat lill-politiku Soċjalista, Emmanuel Gregoire, bħala Sindku.