Internazzjonali

L-Italja: Ir-referendum dwar il-Ġudikatura jirriżulta f’disfatta għal Giorgia Meloni

Ir-referendum dwar ir-riformi għall-Ġudikatura fl-Italja rriżulta f’disfatta kbira għall-Prim Ministru Giorgia Meloni wara li hi kienet spiċċat simbolu tal-bidliet li xtaqet li tara fis-sistema tal-ġustizzja lokali.

Ir-riformi proposti sa mill-bidunett iffaċċjaw oppożizzjoni qawwija mill-Imħallfin u l-prosekuturi Taljani.  Fl-istess ħin. il-votazzjoni li, essenzjalment, kellha tiddeċiedi bidla teknika u kkumplikata għall-Ġudikatura, żviluppat bħala vot proprju ta’ fiduċja fil-Gvern ta’ Meloni.

Intant, il-vot ‘Le’ għar-riformi kiseb ftit aktar minn 53 fil-mija tal-vot popolari kontra s-47 fil-mija favur.

U wara r-riżultat, l-analisti politiċi wkoll qablu li dan ir-referendum għandu jitqies bħala  test kruċjali għall-popolarità ta’  Meloni , qabel l-elezzjoni ġenerali tal-Italja, li ssir fl-2027.

Ir-riżultat, fil-fatt, kien ikkonfermat fit-tieni  jum tar-referendum li beda nhar il-Ħadd u fejn it-Taljani kellhom jiddeċiedu jekk riedux li l-Maġistrati u l-Prosekuturi jaqilbu minn rwol għall-ieħor u jekk titwaqqafx Qorti Għolja għall-konferma ta’ passi dixxiplinarji fil-konfront tal-membri tal-Ġudikatura.