ll-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) organizzat il-Laqgħa tal-Kunsill Ġenerali Annwali skont l-istatut tagħha, f’sena li ffisret importanti fejn kien dovut li jsiru elezzjonijiet għall-Kunsill tal-FKNK.
Matul il-proċess tan-nominazzjonijiet, in-numru ta’ nominazzjonijiet validi rċevuti kien jikkorrispondi man-numru ta’ postijiet vakanti fil-Kunsill. Għaldaqstant, skont id-dispożizzjonijiet tal-istatut, ma kienx hemm bżonn ta’ elezzjoni u l-membri nominati ġew ikkonfermati awtomatikament biex iservu fil-Kunsill tal-FKNK. Dawn huma Lucas Micallef, Andrew Psaila, Daniel Xriha, Gerald Vella, Daniel Bonello, Charlton Falzon Cascun, Joe Perici Calascione, Anthony Mifsud, Richard Cilia, David Falzon, Anthony Mifsud, u Ben Bartolo.
Il-Laqgħa tal-Kunsill Ġenerali Annwali inkludiet il-preżentazzjoni tar-Rapport Amministrattiv, ir-Rapport tat-Teżorier u l-messaġġ tal-President, li fihom ġew imfissra l-ħidma, il-kisbiet u d-direzzjoni strateġika tal-FKNK. Barra minn hekk, ġie ppreżentat ukoll rapport mis-Segretarju tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Edukattivi (KRPE), li enfasizza l-iżviluppi u l-ħidma relatata ma’ dan is-settur importanti.
Waħda mill-aktar inizjattivi sinifikanti ta’ din is-sena kienet l-introduzzjoni ta’ premjijiet ta’ rikonoxximent mill-Kunsill tal-FKNK, immirati biex jagħtu ġieħ lil individwi u għaqdiet fil-komunità li jikkontribwixxu f’kawżi filantropiċi u ta’ ġid soċjali. Din kienet l-ewwel darba li tali premjijiet ingħataw.
Il-President tal-FKNK ippreżenta Premjijiet ta’ Rikonoxximent lil Peter Abela David Borg, Kaċċaturi, Nassaba Mostin u Ħbieb Noel Xuereb. Dawn il-premjijiet jirrappreżentaw sinjal ta’ apprezzament għall-kontribut siewi tagħhom, u jirriflettu l-impenn tal-Federazzjoni lejn il-komunità, is-solidarjetà u r-responsabbiltà soċjali.
Il-FKNK tikkonferma mill-ġdid il-missjoni tagħha li tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha mhux biss fil-qasam tal-kaċċa, l-insib u l-konservazzjoni, iżda wkoll bħala kontributur attiv fis-soċjetà Maltija.
Filwaqt li tħares ’il quddiem, il-FKNK tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha fuq livell Ewropew. Fil-jiem li ġejjin, delgati tal-FKNK fuq il-Bord tal-FACE flimkien mal-Viċi President tar-Reġjun tal-Mediterran tal-FACE, ser tattendi fid-Danimarka sabiex tkompli l-ħidma tagħha fi ħdan il-FACE.
ll-FKNK tindirizza l-Laqgħa Ġenerali u tippreżenta Premjijiet ta’ Rikonoxximent fil-Komunità


