Mara ta’ 44 sena minn Ħal Għaxaq, Valerie Micallef Caruana, ġiet illiberata minn akkużi ta’ fastidju fil-konfront tal-eks kap tal-iskola tagħha, wara li l-Qorti sabet nuqqas serju fil-provi relatati mad-data tal-allegat inċident.
Fis-sentenza mogħtija fit-18 ta’ Marzu 2026, il-Maġistrat Monica Vella osservat li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-allegat fastidju seħħ fis-6 ta’ Ottubru 2025 għall-ħabta tad-9:45am, kif indikat fl-akkuża.
Il-każ kien jinvolvi allegazzjonijiet minn Maria Ciappara, li qalet li kienet ilha tesperjenza fastidju mill-imputata sa mill-2018. Skont ix-xhieda tagħha, hija kienet ta’ spiss tara lill-imputata quddiemha, inkluż li ssegwiha bil-karozza, tgħaddi minn quddiem id-dar tagħha f’Birżebbuġa u tipparkja qribha diversi drabi fil-ġimgħa.
Il-kwerelanta allegat ukoll li l-imputata kienet tħallilha oġġetti fil-kaxxa tal-ittri tagħha, fosthom bukkett fjuri tal-mejtin. F’okkażjoni oħra, hija sostniet li waqt li kienet ħierġa mingħand il-hairdresser, l-imputata żammitilha l-bieba tal-karozza miftuħa u ma ħallitilhiex tagħlaqha. Hija esprimiet ukoll suspett li kienet qed tiġi segwita permezz ta’ applikazzjoni fuq il-mobile.
Il-Prosekuzzjoni ressqet diversi provi u rapporti tal-pulizija, inkluż rapport magħmul fis-6 ta’ Ottubru 2025 u referenzi għal inċidenti oħra li allegatament seħħew f’Awwissu tal-istess sena. Madankollu, meta xehdet fil-Qorti, il-kwerelanta ma setgħetx tikkonferma d-data preċiża tal-inċident li wassal għall-akkużi. Hija indikat li l-inċident seta’ seħħ f’Marzu, possibilment madwar is-26 ta’ Marzu – iżda qalet li ma tiftakarx b’ċertezza.
Il-Qorti nnutat li din id-differenza ta’ diversi xhur bejn id-data indikata fl-akkuża u dik imsemmija fix-xhieda kienet “diskrepanza qawwija” li taffettwa s-sustanza tal-każ. Il-Maġistrat enfasizzat li d-data u l-ħin ta’ reat huma elementi essenzjali li jridu jiġu ppruvati b’mod ċar.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti kkonkludiet li ma kienx hemm prova biżżejjed biex issostni l-akkużi kif imressqa, u għalhekk sabet lil Micallef Caruana mhux ħatja u lliberatha minn kull akkuża u piena
//= $special ?>

