Opinjoni

Opinjoni: Malta ‘l Quddiem

Jista’ jkun li ninsabu fuq l-għatba ta’ kampanja elettorali

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqaru s-Solitudni

Mument importanti ta’ riflessjoni għal kull min jinsab involut fil-ħajja politika tal-pajjiż. F’dawn il-mumenti bosta jwiegħdu dak li jaħsbu li n-nies iridu jisimgħu. Imma hemm differenza kbira bejn politika li tfittex l-applaws momentanju u politika li tibni fiduċja fit-tul.

Nemmen li min jagħżel li jidħol fil-politika għandu responsabbiltà kbira lejn in-nies. Din hija wkoll il-prinċipju li jien, flimkien mat-tim ħabrieki u dedikat tiegħi, naħdmu għalih kuljum matul il-leġiżlatura kollha, mhux biss meta tkun qed riesqa l-elezzjoni. Ix-xogħol tagħna huwa li nisimgħu lin-nies, nifhmu l- esperjenzi tagħhom u nippruvaw nittraduċu dawn ir-realtajiet f’proposti u ideat li jistgħu jtejbu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Fil-fatt, dan huwa eżattament dak li għamilna meta, fost inizjattivi oħra, nedejna u ppubblikajna l-antoloġija ’Il Quddiem b’Dinjità, fejn identifikajna problemi li jolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj u pproponejna wkoll soluzzjonijiet konkreti dwar kif dawn jistgħu jiġu indirizzati. Meta nitkellmu dwar l-isfdi li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum – mill-għoli tal-ħajja, il-kwalità tas-servizzi pubbliċi, il-pressjonijiet soċjali u anki l-fenomenu dejjem aktar preżenti tas-solitudni li qed iħossu bosta, fejn irridu nagħmlu dan b’serjetà, b’rispett u fuq kollox b’onestà. Tul il-leġislatura kollha żammejt ukoll dan l-impenn billi bqajt qrib il-bżonnijiet u t-tħassib tan-nies. F’dan l-ispirtu ppreżentajt numru ta’ Private Members’ Bills mill-Oppożizzjoni li qajmu għarfien u diskussjoni mifruxa fuq diversi temi importanti. Dawn l-inizjattivi servew biex iqiegħdu fuq l-aġenda nazzjonali suġġetti li jolqtu direttament il-ħajja tan-nies. Bħal tiegħi, hemm Private Members Bill oħra ta’ kollegi sħabi mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni.

Madanakollu, illum il-ġurnata l-politika qed issir dejjem aktar influwenzata mill-medja soċjali, fejn xi drabi dawn huma spazji fejn l-opinjoni titwassal immedjatament u mingħajr ħafna riflessjoni. Dawn huma pjattaformi importanti għal dibattitu demokratiku. Spiss, dawn l-interventi jkunu mibnija fuq esperjenzi personali, fuq emozzjonijiet qawwija. Ġieli jkun hemm ukoll interventi bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ fatti li jkunu nstemgħu jew inqraw x’imkien. Politiku responsabbli għandu joqgħod attent li ma jirkiebx fuq dawn l-emozzjonijiet biex jakkwista popolarità finta. Huwa faċli ħafna li wieħed jieħu kumment emozzjonali minn fuq il-midja soċjali.

F’pajjiżna hemm ukoll realtajiet oħra li xi drabi jinfluwenzaw id-diskors politiku: il-piż ta’ ġrajjiet politiċi tal-passat u l-memorji qawwija li għadhom jeżistu f’ċerti familji u komunitajiet.

Dawn huma parti mill-istorja tagħna u rridu nifhmuhom u nirrispettawhom. Imma meta dawn il-memorji jintużaw biex jitkabbar il-fanatiżmu politiku, ma jkunux qed jgħinu biex nibnu ħsieb politiku. Għalhekk il-fanatiżmu huwa dejjem perikoluż. Meta l-politika tinbidel f’konfront emozzjonali kontinwu, l-irjus jisħnu u d-dibattitu jitbiegħed mir-raġuni.

Dan ma jfissirx li l-Oppożizzjoni m’ għandhiex tikkritika. Anzi bil-kontra. Il-kritika hija parti essenzjali mid-demokrazija. Huwa d-dmir tal-Oppożizzjoni li tindika fejn il-gvern ikun qed jonqos u fejn il-politika pubblika ma tkunx qed twassal ir-riżultati mixtieqa.

Iżda l-kritika trid tkun mibnija fuq fatti, fuq evidenza u fuq argumenti serji. Meta l-politika tkun ibbażata fuq il-verità, tkun aktar b’saħħitha. Meta tkun ibbażata fuq esaġerazzjonijiet jew nofs veritajiet, illum jew għada dawn jisfaxxaw. Fil-fatt, l-esaġerazzjonijiet u n-nofs veritajiet qed ikollhom effett ieħor li għandu jinkwetana. Dan qed iwassal biex parti sostanzjali tas-soċjetà tħossha maqtugħa mid-dibattitu politiku. Illum qed nisimgħu numru dejjem jikber ta’ bnedmin li tilfu l-interess fil-politika.

Fil-fatt, stħarriġ riċenti tal-MaltaToday juri wkoll realtajiet importanti li għandhom iwassluna biex nirriflettu. Skont dan l-istħarriġ, l-akbar sehem ta’ votanti indeċiżi jew ‘floating voters’ jinsab fid-distrett tat-Tramuntana (40.8%), li jinkludi ċentri urbani kbar bħal Mosta u San Pawl il-Baħar.

It-tieni l-akbar proporzjon (34.5%) jinsab fir-reġjun tax-Xlokk li tradizzjonalment ixaqleb lejn il-Partit Laburista. Dan juri li anki f’żoni fejn storikament kien hemm identità politika aktar stabbli, illum qed jikber numru ta’ votanti li qed ifittxu alternattiva jew diskors politiku aktar kredibbli. Min-naħa l-oħra, l-inqas proporzjon ta’ votanti indeċiżi jinsab f’Għawdex (18.8%) u fir-reġjun tal-Port tan-Nofsinhar (22.6%), li jinkludi l-Kottonera. Dan il-kuntrast bejn reġjuni differenti juri kemm il-pajjiż huwa divers fil-mod kif iħares lejn il-politika u kemm hemm bżonn li d-diskors politiku jkun aktar sensittiv għar-realtajiet differenti tal-komunitajiet tagħna.

Żmien ġdid jitlob politika ġdida. Il-ġenerazzjonijiet tal-lum qed jgħixu realtà differenti ħafna minn dik tal-passat. Din hija realtà li għandna neħduha bis-serjetà, għax ma tawgurax tajjeb jekk irridu naraw politika sana. Meta d-diskors politiku jibqa’ maqbud f’dik ir-retorika antika, mhux biss ma jgħinx biex nifhmu aħjar l-isfidi tal-lum, iżda jista’ wkoll ikompli jkabbar id-distakk bejn il-politika u l-ġenerazzjonijiet il-ġodda li qed ifittxu politika aktar sinċiera, aktar konkreta u marbuta mar-realtajiet tal-lum.

Demokrazija b’saħħitha teħtieġ parteċipazzjoni. Meta numru kbir ta’ ċittadini, speċjalment żgħażagħ, iħossu li l-politika ma tirrappreżentahomx jew li d-diskors politiku ma jkunx kredibbli, ikun qed jiddgħajjef il-fiduċja fil-proċess demokratiku nnifsu.

F’din il-kampanja elettorali li riesqa lejna rridu nagħmlu għażla ċara: bejn politika li tfittex biss gwadann tal-mument u politika li tibni soluzzjonijiet serji u sostenibbli għall-futur tal-pajjiż.

Jiena nagħżel it-triq tal-politika responsabbli. Għax nemmen li l-poplu tagħna jistħoqqlu diskors politiku matur, bilanċjat u leali lejn il-fatti, mhux diskors għall-gallarija, politika li tfittex li tgħaqqad aktar milli taqsam. Din hija l-politika li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi għal Malta ’l quddiem — politika ta’ serjetà, rispett u verità, kif ġiet imnedija fil-Konvenzjoni Nazzjonali u li għandha tkun il-pedament tal-viżjoni tagħna għall-futur tal-pajjiż.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Marzu, 2026.