David Jonathan Spiteri, raġel ta’ 37 sena minn Pembroke li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni, tressaq il-Qorti. Hu ġie akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ Sirjan ta’ 32 sena, wara li allegatament darbu b’sikkina f’għonqu.
L-inċident seħħ kmieni fit-22 ta’ Marzu, għall-ħabta tal-1:00 ta’ filgħodu, f’Havana. Uffiċjal tas-sigurtà informa lill-pulizija li kien hemm persuna midruba ġewwa l-post. Meta waslu l-pulizija, sabu lill-akkużat għadu hemm u jidher li kien taħt l-effett qawwi ta’ alkoħol.
Il-vittma , Sirjan li jgħix Ħaż-Żabbar, kien qed jiżfen meta Spiteri resaq lejh. Jidher li minħabba li l-akkużat kien fis-sakra, tfixkel u waqa’ mal-art. Il-vittma pprova jgħinu, iżda l-aggressur irrifjuta. Ftit wara, l-akkużat allegatament qabad oġġett minn mal-art u daqq daqqa ta’ sikkina f’għonq il-vittma.
Il-vittma nduna li kien qed jitlef id-demm, ħareġ jitlob l-għajnuna u meta wasal ħdejn vann tal-pulizija fil-pjazza, waqa’ mal-art. Il-pulizija tawh l-ewwel għajnuna sakemm waslet ambulanza.
Il-pulizija arrestaw lil akkużat fuq il-post, fejn nstab b’sikkina li kien qed jipprova jaħbi wara dahru. Huwa ttieħed l-isptar ukoll minħabba li kien fis-sakra.
Fil-Qorti, id-difiża talbet li l-akkużat jinħeles mill-arrest, u sostniet li l-pulizija diġà kellhom filmati tal-każ. Madankollu, il-prosekuzzjoni opponiet u qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u li l-vittma lanqas għadu tkellem mal-pulizija.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat ukoll miżuri ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-każ qed jiġi mmexxi mill-Ispettur Dylan Pace flimkien mal-avukati Kaylie Bonett u Etienne Savona f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li Spiteri qed jiġi difiż mill-avukati Michael Sciriha u Roberto Spiteri.
//= $special ?>

