Futbol Sport

Tmiem il-ġimgħa pożittiva għal erba’ Maltin fl-iskwadra ta’ De Leo, barra minn pajjiżna

Irvin Cardona
Irvin Cardona

Tnejn mill-plejers Maltin li jilgħabu lilhinn minn xtutna, Irvin Cardona u Alex Satariano, skorjaw matul tmiem il-ġimgħa mat-tim rispettiv tagħhom, f’partiti mil-Kampjonat domestiku.

Mill-plejers magħużla mill-kowċ nazzjonali Malti, Emilio De Leo fl-iskwadra finali għaż-żewġ partiti kontra l-Lussemburgu, kien hemm tlieta minnhom li ma kienux fl-azzjoni matul it-tmiem il-ġimgħa. Dawn huma Trent Buhagiar li jilgħab ma’ Tampines Roversm fl-ogħla diviżjoni ta’ Singapore, Zach Muscat li qed jilgħab f’Segunda Liga tal-Portugall ma’ Chaves u Keyon Ewurum li minn Jannar issieħeb mal-iskwadra tal-Primavera ta’ Torino fl-Italja.

Ilyas Chouaref ta’ FC Sion fl-Iżvizzera u Teddy Teuma li fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar iffirma ma’ Standard Liège fl-ogħla diviżjoni tal-Belġju, bdew il-partita rispettiva tagħhom fil-Kampjonat, mill-ewwel minuta.

Goal u assist għal Irvin Cardona f’rebħa oħra minn AS Saint-Étienne

Irvin Cardona kien protagonist ma’ AS Saint-Étienne, fir-rebħa li t-tim tiegħu kellu ta’ 4-0 kontra Annecy, f’Ligue 2 ta’ Franza. L-attakkant internazzjonali Malti beda’ il-partita mil-bidu, u lagħab 67 minuta.

Hu skorja wieħed mil-gowls ta’ AS Saint-Étienne u serva assist għal wieħed mit-tliet gowls l-oħra li skorja t-tim f’din ir-rebħa konvinċenti li permezz tagħha Sainté komplew isaħħu t-tieni post fil-klassifika.

AS Saint-Étienne qed jaspiraw għall-promozzjoni fl-aħħar tal-istaġiun. Dan kien is-sitt gowl tal-istaġiun fil-Kampjonat għal Cardona u l-ħames assist li hu ta.

Skont l-istatistika, 60% tal-azzjonijiet li Cardona kien involute fihom tul is-67 minuta li hu lagħab, kienu suċċess. Cardona kellu żewġ konklużżjonijiet lejn il-lasta avversarja, bit-tnejn li huma kienu fil-lasta. Wieħed minn dawn ix-xuttijiet kien il-gowl li skorja, u l-ieħor kienet azzjoni li minha Cardona ra lill-goalkeeper avversarju jagħmel save mill-isbaħ u dawwar f’corner.

Ilyas Chouaref jilgħab il-logħba kollha f’punt mirbuħ minn FC Sion

Ilyas Chouaref lagħab il-partita f’partita li FC Sion lagħbu nhar is-Sibt fis-Super League Żvizzeru kontra St. Gallen.

Il-partita ntemmet 1-1 u St Gallen waqqgħu żewġ punti importanti hekk kif huma jinsabu t-tieni fil-klassifika. It-tim ta’ Chouaref jinsabu fil-ħames post, bl-istess ammont ta’ punti daqs Young Boys, f’Kampjonat li hu magħmul minn 12-il tim.

B’sistema ta’ 4-2-3-1, Chouaref lagħab bħala winger offensiv fuq il-lemin. Matul dan l-istaġun, il-kowċ Franċiz, Tholot Didier qed jutiliżża lil Chouaref kważi f’kull rwol offensiv; konferma kemm dan il-plejer ta’ 25 sena kapaċi jkun versatili fil-logħob tiegħu.

Għalkemm kontra St Gallen, Chouaref ma skorjax, u lanqas kellu tentattiv wieħed lejn il-lasta, skont l-istatistika, 53% tal-azzjonijiet li hu kien involut fihom tul il-partita kienu suċċess.

Teddy Teuma jirritorna mal-ewwel ħdax ta’ Standard Liège

Teddy Teuma reġa’ irritorna jilgħab mal-ewwel ħdax ta’ Standard Liège fil-Pro League Belġjan. Wieħed mill-aktar plejers influwenti fl-iskwadra nazzjonali ta’ Emilio De Leo, qed jirritorna minn injury li żammitu barra għal madwar xahar u nofs.

Il-bieraħ, Teuma kien qed jilgħab it-tieni logħba tiegħu minn wara l-injury, u Standard Liège temmew draw ta’ mingħajr gowls kontra Westerlo. Teuma lagħab 59 minuta.

Il-perċentwal ta’ azzjonijiet li kien involut fihom il-midfielder offensive ta’ 32 sena u li tqisu suċċess kienu ta’ 65%, b’Teuma kellu tentattiv wieħed fl-attakk, b’xutt li iżda ma kienx fil-lasta.

Interessanti l-fatt li mill-istatisika li ġbarna dwar Teuma marbuta mal-prestazzjoni tiegħu fil-konfront tal-bieraħ il-Ħadd, l-internazzjonali Malti kellu ħames passaġġi fit-tul li kollha kienu tajbin. Il-perċentwal ta’ passaġġi li dan l-istaġun ta fit-tul, waħda mill-karratteristiċi li tiddistingwi l-kwalitajiet tajba ta’ dan il-plejer, u li kienu tajbin hu ta’ 63.6%. Għal Teuma, din kienet l-ewwel darba dan l-istaġun li kellu perċentwal ta’ mija fil-mija ta’ passaġġi fit-tul li kienu suċċess.

Alex Satariano jiskorja t-tieni gowl tiegħu fis-Super League 2 tal-Greċja

Tmiem il-ġimgħa pożittiva għal Alex Satariano li fi-Super League 2 tal-Greċja, mal-klabb tiegħu Athens Kallithea. Hu daħal jilgħab fit-tieni taqsima u wara li kien ilu biss sitt minuti fil-pitch, il-winger ta’ 24 sena, skorja l-gowl tad-draw f’logħba kontra AO Egaleo.

Satariano lagħab 33 minuta, u l-gowl tiegħu wasal żewġ minuti biss wara li f’dahrom stess, Athens Kallithea marru b’gowl minn taħt.

Għal Satariano dan kien it-tieni gowl tiegħu fil-Kampjonat Grieg dan l-istaġun. Sfortunatament, fl-aħħar partiti Satariano ma kienx qed jibda mal-ewwel ħdax, iżda jidħol jilgħab fit-tieni taqsima.

Dan l-istaġun, fis-Super League 2 tal-Greċja, Satarianio lagħab f’19-il partita, bil-ħin totali ta’ minuti li hu lagħab kienu ta’ 949 minuti.