Sewwieq ta’ vann u uffiċjal ta’ Transport Malta tressqu l-Qorti akkużati li kkawżaw b’mod involontarju l-mewt ta’ mara ta’ 77 sena, li ttajret f’Ħal Qormi f’Awwissu tal-2024.
L-inċident kien seħħ fi Triq l-Isqof Scicluna, f’Ħal Qormi għall-ħabta tas-1.45pm. U fil-post kienu ssejħu uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex joħorġu lill-mara minn taħt il-vann.
L-akkużati huma Francis Degiorgio ta’ 34 sena, is-sewwieq tal-vann Isuzu, u Jesmond Muscat ta’ 56 sena li dakinhar kien waqt il-qadi ta’ dmirijietu bħala uffiċjal ta’ TM. Degiorgio waħdu qed jiffaċċja wkoll akkuża ta’ sewqan perikoluż.
Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, l-irġiel ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Ramon Bonett Sladden u Jurgen Dalli f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija Wayne Bonello.
L-avukati Alexander Boichuk u Nikolai Bugeja dehru għall-akkużati.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru f’isem il-familja tal-vittma.
//= $special ?>

