Fil-jiem li ġejjin se nsiru nafu min se jkunu l-aħħar erba’ pajjiżi Ewropej li se jkunu qed jikkwalifikaw għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja fis-sajf li ġej. Bejn nhar il-Ħamis u nhar it-Tlieta li ġejjin, 16-il nazzjon Ewropew se jkun qed jilgħab għall-aħħar erba’ postijiet vakanti għall-pajjiżi membri tal-UEFA.
Dawn il-pajjiżi se jkunu, it-tnax-il tim li temm fit-tieni post fil-gruppi ta’ kwalifikazzjoni u erba’ pajjiżi oħra li għaddew għall-fażi tal-play-offs, permezz ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni skont ir-riżultati miksuba fl-aħħar kompetizzjoni tal-UEFA Nations League.
L-Italja, rebbieħa erba’ darbiet tat-Tazza tad-Dinja, tinsab taħt pressjoni kbira biex tevita umiljazzjoni u għat-tielet darba konsekuttivament tfalli milli tikkwalifika mat-timijiet finalisti tat-23 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li għall-ewwel darba se tkun organizzata minn tliet pajjiżi f’daqqa.
Il-kowċ Gennaro Gattuso qal li “il-pressjoni hija normali” hekk kif l-Ażżurri jiffaċċjaw lill-Irlanda ta’ Fuq, għada l-Ħamis, f’Bergamo. Kemm il-darba l-Italja tissupera dan l-ewwel ostaklu, nhar it-Tlieta li ġej, huma jilgħabu l-finali kontra r-rebbieħ ta’ semi-finali oħra tal-play-offs, bejn Wales u l-Bożnija.
Wales se tkun qed taffronta lill-Bożnija f’Cardiff, filwaqt li l-Irlanda ta’ Fuq tfittex li ttemm perjodu twil ta’ 40 sena mingħajr kwalifikazzjoni għall-finali ta’ edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
L-Ukrajna trid tgħolli l-moral nazzjonali billi tikkwalifika għall-ewwel darba f’20 sena, iżda biex tagħmel dan l-ewwel trid tegħleb lill-Iżvezja f’Valenzja u wara tilgħab il-finali kontra l-Polonja jew l-Albanija.
Il-Kosovo tinsab żewġ rebħiet biss ’il bogħod milli tikteb l-istorja u tikkwalifika għall-ewwel darba f’edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Huma se jkunu qed jilgħabu l-ewwel kontra s-Slovakkja barra minn dahrom. Ir-rebbieħ ta’ din is-semi-finali play-off, nhar it-Tlieta li ġej jilgħab il-finali kontra r-rebbieħ ta’ semi-finali oħra bejn it-Turkija u r-Rumanija.
L-Irlanda se tkun qed tilgħab kontra ċ-Ċekja f’Praga, filwaqt li d-Danimarka, li mill-aħħar erba’ edizzjonijiet fallew biss il-kwalifikazzjoni darba, se jkunu qed jilgħabu l-ewwel kontra l-Maċedonja ta’ Fuq, b’dawn tal-aħħar tkun l-ewwel darba tagħhom li jikkwalifikaw għal edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
//= $special ?>

