Lokali Parlament

Hemm żgur 14-il persuna ta’ nazzjonalità Maltija f’ħabsijiet barra minn xtutna

In-numru ta’ Maltin f’ħabsijiet barra minn Malta bħalissa jammonta għal 14-il persuna. Ħamsa minn dawn il-persuni jinsabu f’ħabsijiet fl-Awstralja u tnejn fil-Libja. Hemm persuna Maltija wkoll fl-Alġerija, fit-Tuneżija, fit-Turkija, fil-Marokk, fl-Iżvizzera, fl-Amerika u fi Franza.

Meta wieġeb fil-Parlament mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzzjonalista Ivan Bartolo, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg qal li dan jinkludi biss dawk iċ-ċittadini Maltin li talbu l-għajnuna mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżm.

Skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, jekk priġunier ma jitlobx għajnuna mir-rappreżentanza diplomatika tiegħu, din tal-aħħar ma tistax tagħmel kuntatt miegħu jew magħha.

Għaldaqstant din l-informazzjoni tista’ effettivament ma tirriflettix l-ammont kollu tal-persuni ta’ nazzjonalità Maltija li jinsabu f’ħabsijiet barra minn xtutna.