Internazzjonali

Id-Danimarka: Jivvutaw fl-elezzjoni bikrija, bil-Prim Ministru Frederiksen bħala favorita

Is-Soċjali Demokratiċi tal-Prim Ministru Mette Frederiksen qed jittamaw li jikbsu tielet mandat ta’ poter, meta d-Daniżi, bħalissa, qed jivvutaw f’elezzjoni bikrija li ssejħet xhur qabel id-data prevista oriġinarjament.

Frederiksen iddeċidiet biex issejjaħ l-elezzjoni wara li l-istħarriġ popolari indika qabża fil-livelli tal-popolarità tal-Prim Ministru għall-mod kif hi, ġimgħat ilu, kienet waqfet lill-President Amerikan Donald Trump li kien qed jhedded biex jieħu l-kontroll totali ta’ Greenland – il-gżira-Stat semi-awtonoma li l-politika barranija tagħha titmexxa minn Kopenhagen.

Madankollu, xorta waħda mistennija sfida qawwija mingħand iż-żewġ partiti taċ-ċentru-lemin, fosthom il-Partit Venstre (Demokratiku-Liberali) tal-Ministru tad-Difiża, Troels Lund Poulsen.

Id-Danimarka, tul is-snin, tmexxiet mill-Gvernijiet ta’ koalizzjoni u l-vot tallum jiddeċiedi  jekk l-amministrazzjoni tal-pajjiż tibqax f’idejn ix-xellug inkella tgħaddix għand l-entitajiet politiċi tal-lemin.

Skont l-aħħar stħarriġ, il-partit ta’ Frederiksen kellu ‘il fuq sew minn 20 fil-mija tal-appoġġ popolari li hu vantaġġ notevoli fuq il-Liberali u l-Ħodor tax-Xellug.

U filwaqt li r-riżultat tal-elezzjoni ma kellux iħoll u jorbot speċifikament fuq l-issue ta’ Greenland, Mette Frederiksen hi fiduċjuża li l-mod kif hi iddefendiet ‘il-preżent u l-futur’ ta’ dan it-territorju għandu jkun l-aspett deċiżiv li jiggarantilha rebħa elettorali oħra.