Il‑Bank of Valletta ħabbar li qed jibda proċess li joħroġ Avviżi tal‑Kumpanija kull tliet xhur sabiex iżomm is‑suq infurmat dwar id‑deċiżjonijiet fir‑rigward tal‑iffissar tar‑rati bażi. Dan qed isir biex is-suq jiġi pprovdut informazzjoni trasparenti u f’waqtha dwar ir‑reviżjoni li jagħmel il‑Bank fir‑rigward ta’ dawn il‑benchmarks.
Din id-deċiżjoni tirrifletti titjib fis‑sistemi u fl‑istrutturi tekniċi u ta’ governanza li qed jintużaw mill‑Bank għad‑determinazzjoni tar‑rati bażi. Fl‑istess ħin jenfasizza l‑impenn kontinwu tal‑Bank biex itejjeb u jsaħħaħ il‑komunikazzjoni tiegħu mas‑swieq finanzjarji, kif ukoll biex jissodisfa u jissupera l‑aspettattivi regolatorji.
Ir‑Rati Bażi tal‑Bank joperaw bħala komponent ċentrali fil‑qafas ta’ pprezzar fuq livell ta’ intrapriża sħiħa tal‑Bank. Dawn jaħdmu flimkien ma’ parametri speċifiċi għall‑prodotti (bħal żidiet ibbażati fuq ir‑riskju, aġġustamenti fuq livell ta’ klijent u termini kuntrattwali) sabiex iwasslu riżultati ta’ pprezzar li huma ġusti, trasparenti u konsistenti mal‑prinċipji stabbiliti fil‑governanza interna tal‑Bank dwar il‑prezzijiet. Billi jankra r‑rati tas‑self ma’ benchmarks interni mmexxija minn proċess ta’ governanza, il‑Bank jippromwovi koerenza bejn deċiżjonijiet individwali ta’ kreditu u l‑objettivi usa’ tal‑karta tal-bilanċ, inklużi l‑profittabbiltà, l‑effiċjenza tal‑kapital u l‑aptit għar‑riskju tal‑portafoll. Dawn ir‑rati interni ta’ referenza huma suġġetti għal proċess strutturat ta’ governanza u reviżjoni kull tliet xhur.
Fid‑determinazzjoni tal‑livelli tar‑Rata Bażi għall‑perjodu li ġej, il‑Bank wettaq valutazzjoni komprensiva msejsa fuq il‑politika formali tiegħu dwar ir‑Rata Bażi. Dan il‑qafas jeħtieġ li kull deċiżjoni, kemm jekk biex jinżammu r‑rati kif inhuma kif ukoll jekk biex jinbidlu, tiġi evalwata b’mod sħiħ fuq prinċipji ewlenin li jħarsu r‑reżiljenza finanzjarja, il‑ġestjoni prudenti tal‑karta tal-bilanċ u eżiti ġusti għall‑klijenti.
Wara din ir‑reviżjoni skedata dwar xejriet fir-rati tal‑imgħax u tal‑kundizzjonijiet prevalenti fis‑suq, ir‑Rati Bażi tal‑Bank applikabbli għall‑Portafoll ta’ Kreditu tiegħu se jibqgħu bla tibdil għall‑perjodu ta’ tliet xhur li ġejjin sal‑aħħar ta’ Ġunju 2026. B’mod effettiv, ir‑Rata Bażi tas-Self għan-Negozji tibqa’ ta’ 2.15% fis‑sena, ir‑Rata Bażi tas‑Self għad‑Djar tibqa’ ta’ 2.15% fis‑sena u r‑Rata Bażi tas‑Self Personali tibqa’ ta’ 2.45% fis‑sena.
Id‑deċiżjoni li jinżammu r‑Rati Bażi tal‑portafoll ta’ kreditu bla tibdil għall‑perjodu ta’ tliet xhur li ġejjin hija sostnuta minn projezzjonijiet finanzjarji interni li jkomplu jindikaw konsistenza mal‑istrateġija, il‑baġit u l‑aptit għar‑riskju tal‑Bank, kif ukoll mal‑Indikaturi Ewlenin tal‑Prestazzjoni u tar‑Riskju. Il‑pożizzjonijiet tal‑kapital u tal‑likwidità tal‑Bank jibqgħu b’saħħithom, mingħajr ebda indikazzjoni ta’ pressjonijiet.
It‑tensjonijiet ġeopolitiċi attwali barra minn Malta, il‑prospetti għall‑ekonomija, il‑kompetittività tal‑Bank fis‑suq u l‑ħarsien tal‑interessi tal‑klijenti tal-Bank isaħħu wkoll il‑ħtieġa għal stabbiltà kontinwa fir‑rati tal‑imgħax f’Malta u, b’mod partikolari, fir‑Rati Bażi tal‑Bank. Il‑Bank innota wkoll li, matul dawn l‑aħħar snin, kien kapaċi jżomm ir‑Rati Bażi f’livelli stabbli minkejja bidliet fil‑kundizzjonijiet tas‑suq, inklużi bidliet fil‑pożizzjoni tal‑politika monetarja tal‑Bank Ċentrali Ewropew.
Dawn ir‑rati ser jibqgħu fis‑seħħ, mill‑inqas, sar‑reviżjoni li jmiss, skedata għal Ġunju 2026.
//= $special ?>

