Futbol Sport

Il-FIFA tħassar eluf ta’ kmamar f’lukandi f’Philadelphia, inqas minn 80 jum qabel it-Tazza tad-Dinja

L-istadium ta' Philadelphia, li se jkun wieħed mill-istadiums fejn se jsiru l-logħob fl-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja.
L-istadium ta' Philadelphia, li se jkun wieħed mill-istadiums fejn se jsiru l-logħob fl-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja.

Il-FIFA ħabbret li kkanċellat madwar 2,000 kamra ta’ lukanda li kienu riservati fil-jiem li se tkun qed tintlagħab it-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena f’Philadelphia, iżda ma tat l-ebda spjegazzjoni għad-deċiżjoni tagħha. Skont il-Greater Philadelphia Hotel Association, il-FIFA kienet inizjalment irriservat madwar 10,000 kamra f’din il-belt l-aktar populata li fl-istat Amerikan ta’ Pennsylvania.

Il-President tal-assoċjazzjoni, Ed Grose, qal lil sit tal-aħbarijiet ta’ Philadelphia, li l-maġġoranza tal-kanċellazzjonijiet seħħew f’erba’ lukandi fiċ-ċentru tal-belt. Huwa żied jgħid li l-FIFA aġixxiet skont it-termini tal-kuntratt tagħha u għalhekk ma ġietx penalizzata. Minkejja dan, il-kanċellazzjonijiet ħolqu inċertezza fost is-settur turistiku lokali, li kien qed jistenna domanda qawwija matul il-kompetizzjoni globali.