L-immigrazzjoni, l-enerġija u l-istabbiltà reġjonali kienu t-temi prinċipali li ġew diskussi f’laqgħa li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg max-Chargè d’Affaires tal-Ambaxxata Libjana f’Malta, Mohamed Ali Al-Sharif.
F’mument importanti fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, ġew diskussi temi ta’ interess komuni, fejn Alex Borg enfasizza l-ħtieġa ta’ djalogu kostruttiv u relazzjonijiet ibbażat fuq l-istabbiltà u r-rispett. Fejn anke ssemma’ kif Malta tibqa’ tirrikonoxxi l-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali fil-Libja.

Minn naħa tiegħu, Mohamed Ali Al-Sharif spjega kif ir-relazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi dejjem kienu b’saħħithom filwaqt li tenna li jħares il-quddiem għal aktar diskussjonijiet u koperazzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat għal din il-laqgħa mix-Shadow Minister Beppe Fenech Adami u mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.



