Ir-residenti tal-Msida u dawk kollha li kienu jimxu Triq Rue d’Argens kienu f’periklu imminenti hekk kif minħabba xogħolijiet li kienu qed isiru ingħalaq aċċess pedonali għal din it-triq.
Fil-fatt, il-Kunsill Lokali tal-Msida ħa azzjoni immedjata, hekk kif kien propju s-Sindku Nazzjonalista li tella’ video fuq il-mezzi soċjali dwar il-periklu li kien hemm f’din it-triq minħabba traskuraġni. Dan minbarra l-fatt, li l-Kunsill Lokali tal-Msida kontinwament qed iressaq ilmenti quddiem Infrastructure Malta dwar il-periklu li hemm fiż-żona.
Dawn id-dettalji ħarġu fi stqarrija ppubblikata mill-Kunsill Lokali stess li spjega illi Infrastructure Malta ma ħadet l-ebda azzjoni immedjata, kif pruvat tagħti x’tifhem fi stqarrija maħruġa s-Sibt 21 ta’ Marzu.
Il-Kunsill Lokali spjega illi kien propju l-ġimgħa li għaddiet meta l-Ħamis beda jsir xogħol ta’ tħaffir quddiem il-Każin tal-Banda u ngħalaq l-aċċess pedonali għal Triq Rue D’Argens, u nħolqot sitwazzjoni ta’ periklu serja.
Il-Kunsill ħa azzjoni mmedjata u ressaq ilment urġenti quddiem il-Ministru responsabbli Chris Bonett u anke lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul, fejn kien ippreżentat filmat li juri kif persuna kellha timxi mal-karozzi biex titla’ parti minn Triq Rue D’Argens bil-karozzi tal-linja ikollhom jistennew lill-persuni jgħaddu sabiex ikunu jistgħu isuqu.
Il-Kunsill tal-Msida spjega li kien biss wara filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali mis-Sindku Nazzjonalista Charles Selvaġġi li ttieħdet azzjoni. U għalhekk, il-Kunsill qed jiddeplora l-fatt illi biex tittieħed azzjoni fuq sitwazzjoni ta’ periklu kellu jirrikorri għall-mezzi soċjali biex jesponi l-gravità.
//= $special ?>

