Lokali

Il-PN jifraħ lill-Kunsill il-ġdid tal-Kamra tal-Periti

Impenn li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-professjonisti biex jinbena settur tal-ippjanar u l-kostruzzjoni b’aktar kwalità, sigurtà u rispett lejn in-nies, l-ambjent u l-komunitajiet

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Kunsill il-ġdid tal-Kamra tal-Periti (KTP) għall-ħatra tiegħu u jawguralu kull suċċess fil-ħidma importanti li għandu quddiemu.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-valur tal-professjonisti kollha, inkluż tal-periti, għax dawn huma s-sinsla ta’ ekosistema li toħloq, tippreserva u tissalvagwardja l-ambjenti u l-ispazji fejn ngħixu, naħdmu u nistrieħu. Il-kwalità tal-ħajja tan-nies hi marbuta direttament mal-livell ta’ serjetà, etika u kompetenza li dawn il-professjonijiet iġibu magħhom.

Matul is-snin, il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu relazzjoni kostruttiva u pożittiva mal-Kamra tal-Periti, ibbażata fuq rispett reċiproku u l-għarfien li l-isfidi li qed jaffaċċja pajjiżna fil-qasam tal-ippjanar u l-kostruzzjoni jeħtieġu kollaborazzjoni sħiħa bejn il-politiċi u l-professjonisti.

Il-Partit Nazzjonalista jħares ’il quddiem biex ikompli jaħdem mill-qrib mal-KTP biex jerġgħu jkunu stabbiliti u msaħħa dawk il-prinċipji fundamentali fil-leġiżlazzjoni li jirregolaw kif il-binjiet jiġu ddisinjati, mibnija u sorveljati. Qafas regolatorju modern, ċar u robust għandu impatt dirett fuq is-sigurtà tal-bini, l-istandards tal-kostruzzjoni u l-protezzjoni tal-interess pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu lejn One Construction Law bħala qafas unifikat u koerenti, li jkopri l-kostruzzjoni kollha, mid-disinn sat-tlestija u lil hinn, b’enfasi fuq prevenzjoni, responsabbiltà u kwalità, mingħajr taħlit jew konfużjoni. Anzi, b’separazzjoni ċara bejn l-ippjanar tal-iżvilupp, l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u r-regolamentazzjoni tal-kostruzzjoni biex jingħalqu lakuni, ikunu ċċarati r-rwoli u jissaħħaħ l-infurzar.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jemmen li wasal iż-żmien li jkunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li għadhom pendenti, fosthom li tiddaħħal is-“service history” għal kull bini. B’hekk tkun salvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jaħdem flimkien mal-KTP u mal-professjonisti kollha relatati biex jinbena settur tal-kostruzzjoni li verament jiffunzjona fl-interess tan-nies, b’aktar kwalità, aktar sigurtà u aktar rispett lejn l-ambjent u l-komunitajiet tagħna.