Lokali

“Il-protezzjoni tat-tfal għandha tiġi ttrattata bħala kwistjoni ta’ urġenza u responsabbiltà kollettiva”

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal huwa ferm mħasseb dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu biex l-abbuż sesswali fuq it-tfal ma jiġix maqbud u rrappurtat. Kull tifel u tifla għandu/ha dritt fundamentali għal protezzjoni, sigurtà u dinjità, u hija r-responsabbiltà ta’ kulħadd li jiżgura li dawn id-drittijiet jiġu mħarsa mingħajr eċċezzjoni sabiex it-tfal ma jiffaċċjawx il-konsegwenzi koroh u dejjiema tal-abbuż sesswali tat-tfal.

Il-protezzjoni tat-tfal għandha tiġi ttrattata bħala kwistjoni ta’ urġenza u responsabbiltà kollettiva.

Daqstant ieħor huwa importanti li jkun żgurat li dawk li jwettqu r-reat u dawk li jistgħu jkunu kompliċi fit-tfixkil tal-kors tal-ġustizzja jinżammu responsabbli skond il-liġi. Trid isir ħidma konsistenti u bla dewmien għall-ġustizzja, sabiex jintbagħat messaġġ ċar li l-abbuż mhux se jkun ittollerat u li dawk li jagħmlu ħsara lit-tfal se jiffaċċjaw konsegwenzi xierqa.

L-Uffiċċju jsejjaħ għal tisħiħ fil-mekkaniżmi ta’ ħarsien sabiex ikun żgurat li t-tfal huma mismugħa, emnuti u protetti kull meta jitkellmu dwar xi abbuż li jkunu soffrew. Dan hu essenzjali biex nipprevenu l-abbuż u nħarsu d-drittijiet tagħhom.

Kull min jiġi konxju ta’ xi abbuż irid jaġixxi bla dewmien u jirrapporta l-każ lill-awtoritajiet rilevanti.

L-Uffiċċju jsejjaħ ukoll għat-tneħħija sħiħa tal-preskrizzjoni fuq il-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, biex niżguraw li dawk li jgħaddu minn esperjenza ta’ abbuż jistgħu jfittxu l-ġustizzja irrispettivament minn meta jkunu jistgħu jew iridu jitkellmu, u għat-tneħħija tal-ilment tal-vittma bħala rekwiżit biex tinbeda azzjoni legali f’ każijiet ta’ abbuż sesswali tat-tfal.