Lokali

Il-Qorti tħassar mandat ta’ inibizzjoni wara ristrutturar fid-dipartiment tal-imaging f’Mater Dei

Il-qorti tirrevoka mandat ta’ inibizzjoni li kien waqqaf il-proċess tal-għażla għal Clinical Chairperson tal-Medical Imaging, wara li l-Gvern ikkonferma li l-kariga se titneħħa biex minflokha jinħolqu żewġ dipartimenti separati.

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ddeċidiet li l-mandat li kien qed jipproteġi l-interessi tal-konsulent radjologu Kenneth Saliba sar “superfluwu”. Dan seħħ wara li d-Dipartiment tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei għadda minn ristrutturar li qasmu f’żewġ entitajiet: id-Dipartiment tal-Immaġini Molekulari u Terranostika u d-Dipartiment tar-Radjoloġija Dijanjostika u Interventiva.


Il-każ imur lura għal Frar tal-2024, meta l-Imħallef Aaron Bugeja kien laqa’ t-talba ta’ Saliba għal mandat ta’ inibizzjoni biex iwaqqaf l-intervisti għall-kariga ta’ Clinical Chairperson. Dak iż-żmien, il-Qorti kienet sabet evidenza prima facie ta’ kampanja ta’ “tfigħ ta’ tajn” kontra Saliba.

Fid-digriet tiegħu, l-Imħallef Bugeja kien innota li f’Ottubru 2022, konsulent radjologu li kien ukoll kompetitur dirett għall-istess kariga, kien bagħat messaġġi fuq WhatsApp lil diversi kapijiet ta’ dipartimenti differenti fejn allega b’mod żbaljat li Saliba kien “imġiegħel jirriżenja temporanjament” minħabba inkjesta.

Il-Qorti kienet iddikjarat li: “It-tajn ladarba twaddab, xi marka jħalli. Vażun darba jixxaqqaq. Il-fiduċja, darba tintilef”.

Peress li wieħed mill-membri tal-Bord tal-Għażla kien wieħed minn dawk li rċivew din l-informazzjoni falza, il-Qorti kienet ikkonkludiet li ma setax jiġi garantit “level playing field” għal Saliba.

Saliba, li kien inħatar bħala Chairperson fl-2018 għal terminu ta’ ħames snin, kien ġie sospiż fl-2022 wara deċiżjoni tad-Direttur Mediku.

Għalkemm il-Fact Finding Mission li saret wara rriżultat li kienet “tutto sommato pożittiva” għalih, Saliba xorta waħda beda proċeduri biex jannulla dawk il-konklużjonijiet u jiġi lura fil-kariga.

Madankollu, il-Gvern ippreżenta rikors biex jirrevoka l-mandat ta’ inibizzjoni abbażi ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi.

L-Uffiċjal Mediku Ewlieni, Clarence Pace, xehed bil-ġurament li l-Gvern kien se jirtira s-sejħa oriġinali għall-Clinical Chairperson tal-Medical Imaging.

Pace kkonferma li minflok kariga waħda, se jinħarġu sejħiet għal żewġ Clinical Chairpersons ġodda biex imexxu d-dipartimenti l-ġodda li rriżultaw mir-ristrutturar.

Fid-dawl ta’ dan, l-Imħallef Depasquale osserva li peress li l-post speċifiku li Saliba ried iwaqqaf l-intervisti għalih m’għadux jeżisti, il-mandat m’għadux iservi l-iskop tiegħu.

Il-Qorti għalhekk irrevokat il-mandat b’effett immedjat, b’kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.