Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet it-talba biex Sigmund Mifsud jerġa’ jixhed fil-każ li fih qed jiġi akkużat b’tbagħbis ta’ evidenza, abbuż ta’ poter u ostakolu għall-ġustizzja marbut ma’ allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali fl-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Matul is-seduta tat-Tlieta, id-difiża talbet li l-eks CEO jerġa’ jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda sabiex jiċċara ċerti aspetti tar-relazzjoni tiegħu mal-allegata vittma, kif ukoll ir-relazzjoni tiegħu ma’ eks impjegat li kien ammetta li ffastidja lill-istess mara u li aktar tard instab ħati.
Il-prosekuzzjoni u l-parte civile opponew din it-talba, u sostnew li Mifsud kien diġà xehed fil-proċeduri preċedenti u kien ġie kontroeżaminat b’mod estensiv.
Barra minn hekk, wara x-xhieda tiegħu kienu diġà tressqu xhieda oħra mid-difiża.
Fid-digriet tagħha, il-qorti osservat li l-punti li l-akkużat xtaq jiċċara kienu diġà ġew indirizzati waqt seduti preċedenti.
Żiedet tgħid li l-liġi ma tippermettix li xhud jerġa’ jixhed biex jirrispondi għal punti li joħorġu minn xhieda oħra wara x-xhieda inizjali tiegħu.
Għaldaqstant, it-talba tad-difiża ġiet miċħuda.
Intant, żewġ xhieda oħra li kellhom jixhdu naqsu milli jidhru fil-qorti.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Kevin Pulis u Gabriel Micallef u għal Mifsud dehru l-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shaun Zammit, filwaqt li l-avukat Roberto Spiteri deher f’isem il-vittma.


