Il-kantant-awtur ikona, Gino Paoli, miet fl-età ta’ 91 sena u ħalla warajh ħafna memorji tat-talenti mużikali tiegħu li spikkaw minn ġenerazzjoni tal-mużika għall-oħra – tant li sar punt ta’ riferiment għal uħud mill-aktar kantanti u mużiċisti famużi li qatt ħarġu mill-Italja.
Fil-fatt, isem Gino Paoli, li kien sinonimu mal-belt ta’ Genoa, baqa’ jispikka fl-iżvilupp tal-mużika Taljana minn epoka għall-oħra u ispira ħafna talenti ġodda.
Dan il-kantant, li t-talenti tiegħu spikkaw ukoll fil-ġeneru tal-jazz, ikkompona wħud mill-aktar kanzunetti klassiċi Taljani għal kull żmien – fosthom “Senza fine’; “Il Cielo in Una Stanza” li kien suċċess għall-kantanta Mina fis-snin sittin u suċċessi oħrajn bħal “Che Cosa C’è” , “Sapore di Sale” u “Quattro Amici”.
Fl-aħħar sigħat, uħud mill-akbar personalitajiet fid-dinja tal-ispettaklu ħarġu jsellmu lil Gino Paoli; waqt li faħħru l-kontribut siewi u deċiżiv tiegħu għall-evoluzzjoni tal-mużika Taljana.
Hu beda l-karriera tiegħu fis-snin ħamsin, kien, fil-fatt, il-pijunier li definixxa r-rwol ta’ kant-awtur.
Gino Paoli kien ukoll ħabib u kollaboratur ma’ ismijiet famużi oħrajn – kollha meqjusin bħala leġġendi tal-mużika Taljana.
Fi żminijiet aktar riċenti, Gino Paoli kien kiteb ukoll il-kanzunetta “Come il sole all’improvviso” bħala eloġju għall-famuż kantant Taljana ta’ fama internazzjonali Zucchero.
Punt ieħor interessanti dwar dan il-kantant-kompożitur jinvolvi l-avventura tiegħu fid-dinja tal-politika … fejn hu, fl-1987, kien ġie elett fil-Parlament bħala deputat tal-Partit Komunista Taljan.
//= $special ?>

