Futbol Sport

Kontroversja fuq id-data taż-żewġ semi-finali tal-Meridianbet FA Trophy

It-trofew tal-Meridianbet FA Trophy.
It-trofew tal-Meridianbet FA Trophy.

F’stqarrijiet separati, Gżira United u Valletta esprimiew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li t-talba tagħhom sabiex iż-żewġ partiti mis-semi-finali tal-Meridianbet FA Trophy, li huma skedati li jintlagħbu nhar is-Sibt, 4 t’April, jimxu għal data oħra li tkun ‘il quddiem fil-kalendarju.

Gżira United u Valletta huma tnejn mill-erba’ klabbs li se jkunu qed jilgħabu fis-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni, bil-maroons se jkunu qed jaffrontaw lil Naxxar Lions u Valletta se jkunu qed jilgħabu kontra Birkirkara. Fiż-żewġ stqarrijiet ta’ Gżira United u Valletta, dawn il-klabbs saħqu li d-data skedata jħalli ftit ħin ta’ preparazzjoni għall-logħba. Dan għaliex iż-żewġ timijiet għandhom numru ta’ plejers li f’dawn il-jiem huma impenjati mat-timijiet nazzjonali tal-kbar u ta’ taħt il-21 sena.

It-talba ta’ Gżira United u Valletta kienet miċħuda kemm mill-MFA kif ukoll mill-avversarji rispettivi tagħhom. Fl-istqarrija maħruġa minn Gżira United, huma qalu li kienu qed jagħmlu din it-talba minħabba l-impenji ta’ sitt plejers mat-timijiet nazzjonali Maltin, fosthom erbgħa plejers li ssejħu biex jiffurmaw parti mill-iskwadra finali tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena u tnejn oħra mal-kbar. Il-Gżirjani sostnew li dawn il-plejers se jkunu ilhom tliet ġimgħat barra u għalhekk ma jkollhomx ħin biżżejjed ta’ preparazzjoni qabel logħba tant importanti.

Gżira United qalu li d-deċiżjoni finali meħuda mill-MFA, ċioé li d-data taż-żewġ partiti mis-semi-finali tal-FA Trophy jibqgħu skedati għal nhar is-Sibt, 4 t’April, toħloq żvantaġġ fuqhom u appellat għall-fair play u ġustizzja fil-preparamenti tal-kompetizzjonijiet lokali.

F’stqarrija separata iżda fuq l-istess linja ta’ ħsieb bħal dik maħruġa minn Gżira United, Valletta epsrimew id-diżappunt tagħhom għad-deċiżjoni meħuda mill-MFA “minkejja ċirkostanzi eċċezzjonali.” Il-Beltin għandhom ħames plejers li jinsabu mgħajta maż-żewġ skwadri rispettivi ta’ Malta, u filwaqt li l-klabb saħaq li dan il-fatt hu ta’ unur kbir għalihom, fl-istess waqt jħalli ftit ħin ta’ preparazzjoni qabel il-logħba u jqajjem tħassib dwar il-benesseri tal-plejers tagħhom.

Valletta qalu li b’rieda tajba, ipproponew li l-logħba timxi għal nhar it-Tnejn, 6 t’ April, biex tinżamm l-integrità sportiva u kundizzjonijiet ġusti, iżda l-klabb żied jgħid li din il-proposta ma ġietx aċċettata minn Birkirkara u l-MFA.

Il-Beltin saħqu li dejjem appoġġjaw il-kawża nazzjonali, iżda ma jistgħux jaċċettaw deċiżjoni li skont huma toħloq żvantaġġ kompetittiv u tħassar il-prinċipji ta’ ġustizzja u rispett fil-logħba.

B’risposta għal dawn iż-żewġ stqarrijiet separati, u sabiex tiċċara l-posizzjoni tagħha, l-MFA qalet li l-kalendarju uffiċjali, inklużi d-dati tas-semi-finali, kien ippubblikat f’Awwissu li għadda u kien disponibbli għall-klabbs kollha.

L-assoċjazzjoni spjegat li wara li Gżira United u Valletta resqu t-talbiet rispettivi tagħhom, l-MFA daħlet f’diskussjonijiet mal-partijiet kollha biex jinstab ftehim komuni, iżda dan ma ntlaħaqx.

Għaldaqstant, fl-istqarrija tagħha, l-MFA qalet li skont ir-regolamenti u l-kalendarju ppubblikat, iż-żewġ partiti mis-semi-finali tal-FA Trophy se jsiru kif ippjanat oriġinarjament. L-MFA fakkret li kwalunkwé bidla fl-iskeda ta’ partita jew partiti, issir biss jekk ikun hemm qbil bejn il-partijiet kollha, iżda sfortunatament f’dan il-każ ma kienx hemm qbil (peress li l-avversarji taż-żewġ klabbs li resqu t-talba, Naxxar Lions u Birkirkara, m’aċċettawx it-talba li saret). L-MFA żiedet tgħid li bħala assoċjazzjoni sportiva  tibqa’ impenjata lejn it-trasparenza u l-ġustizzja fil-kompetizzjonijiet tagħha.