“Għal liema pajjiż qed tirreferi?” “Trankwilli min qed jitħanżer” “Għalikom żgur li mhux problema” “ara l-kjus fis-soup kitchens u n-nies fit-triq jiġru warajk biex ittihom il-flus”
Dawn kienu biss ftit mill-baraxx ta’ kummenti bi kiritika qawwija, indirizzati lejn is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli; kummenti li waslu wara li hi stess iddikjarat li f’pajjiżna kulħadd qed jgħix ħajja trankwilla – minkejja li l-familji qed jaffaċjaw prezzijiet dejjem jogħlew.
Kienu bosta dawk illi ddikjaraw li Zerafa Civelli donnha ma tgħix Malta, għaliex il-poplu żgur mhux trankwill.
Fejn bosta semmew it-traffiku li jibda saħanistra minn kmieni filgħodu. Oħrajn semmew kif hi nesiet isemmi d-dejn tal-pajjiż li laħaq il-biljuni tal-ewro. Filwaqt li fakkru kif għall-Ministri, żgur hija ħajja komda u trankwilla.
Kienu ħafna dawk li semmew is-sitwazzjonijiet xokkanti fis-soup kitchens u li kemm-il darba jiltaqgħu ma’ persuni fit-triq ifittxu fiż-żibel jew inkella li jkunu qed jittallbu l-flus.
Oħrajn appellaw sabiex Zerafa Civelli tara x’kien imwiegħed minn Gvern Laburista hekk kif minn dawn il-wegħdi – li kellhom jgħinu lill-familji, l-anzjani u lil dawk l-aktar fil-bżonn – ma waslu qatt. Fil-fatt, persuna spjegat li minn €600 pensjoni, €290 minnhom imorru mediċina, u sal-aħħar tax-xahar lanqas ikollha biex tixtri kartuna ħalib.
Dan il-kumment ta’ Zerafa Civelli…. li qed ikun deskritt minn bosta bħala insensittiv… wasal meta dan l-istazzjon staqsa x’se jkun qed jagħmel il-Gvern b’rabta mal-prezzijiet f’pajjiżna li dejjem qed jgħolew. Hekk kif ir-rata tal-għoli tal-ħajja hija ferm akbar mill-medja Ewropea.
Kumment li ħalla lil bosta rrabjati u anke ddispjaċuti hekk kif jidher li Zerafa Civelli u l-Gvern Laburista huma għal kollox maqtugħin mir-realtà li qed jaffaċċjaw in-nies, speċjalment fejn jidħlu l-affarijiet l-aktar bażiċi bħax-xirja ta’ kuljum; li dejjem qed togħla minn ġurnata għall-oħra.
//= $special ?>

