Lokali

Kundannat att brutali

BirdLife Malta tikkundanna bla riżervi l-att brutali fejn Spanjulett (Common Kestrel) protett inqatel b’mod krudili u disgustanti.

BirdLife Malta qalet fi stqarrija li filwaqt li ilha tgħid li l-kaċċa u l-insib tal-għasafar selvaġġi huma intrinsikament krudili, dan mhuwiex każ iżolat. Jerġa’ jikxef realtà inkwetanti ħafna ta’ individwi li jemmnu li għandhom poter assolut fuq il-ħlejjaq naturali tagħna – poter li jabbużaw minnu sal-punt li jgħaffġu għasafar taħt saqajhom sakemm imutu.

BirdLife Malta sejħet lill-poplu kollu biex iqum u jesprimi d-diżgust tiegħu. Dan jinkludi l-għexieren ta’ eluf li forsi jħossuhom ’il bogħod minn deċiżjonijiet politiċi li kontinwament jagevolaw lil-lobby tal-kaċċa u l-insib.

BirdLife Malta saħqet li Malta jistħoqqilha aħjar u l-ħajja selvaġġa tagħna jistħoqqilha protezzjoni, rispett u dinjità – mhux brutalità. BirdLife Malta tappoġġja b’mod sħiħ il-ħidma ta’ Committee Against Bird Slaughter (CABS) u tal-Malta Ranger Unit.