Malta reġgħet spiċċat fl-aħħar post fl-Unjoni Ewropea fejn jidħol l-użu tal-enerġija li tiġġedded, b’16% biss tal-elettriku kollu ġġenerat f’pajjiżna ġej minn sorsi rinnovabbli.
L-aħħar ċifri ppubblikati mill-aġenzija tal-istatistika tal-UE, il-Eurostat, jikxfu kif pajjiżna qed jibqa’ l-art fl-enerġija li tiġġedded. Is-16% ta’ pajjiżna huwa ferm inqas mill-medja Ewropea ta’ 47%, u jixhed in-nuqqas ta’ rieda jew sforz tal-Gvern biex Malta tagħmel it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
Filwaqt li pajjiżi bħad-Danimarka, l-Awstrija u l-Portugall qed imexxu ’l quddiem b’investiment u viżjoni ċara, Malta għadha mwaħħla fl-aħħar tal-klassifika.
Fi stqarrija Eve Borg Bonello ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika u Mark Anthony Sammut ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma spjegaw li dan kollu mhux kumbinazzjoni imma huwa riżultat dirett ta’ snin ta’ dewmien, nuqqas ta’ azzjoni u nuqqas ta’ direzzjoni politika.
Il-Gvern falla b’mod konsistenti milli javvanza proġetti ta’ enerġija rinnovabbli offshore, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ, minkejja li din illum hija l-akbar sors ta’ enerġija li tiġġedded fl-Ewropa. Minflok jieħu deċiżjonijiet konkreti, il-Gvern baqa’ jikkummissjona studju wara l-ieħor li ma jwasslu assolutament imkien.
Fl-istess waqt, il-proġett tal-waste-to-energy għadu mwaħħal, wara snin ta’ tmexxija ħażina, tenders falluti u tħassib serju dwar governanza fil-proċess kollu.
Il-falliment tal-Gvern li jwettaq dak li wiegħed tul l-aħħar 13-il sena jfisser li Malta qed tibqa’ dipendenti fuq il-fossil fuels u fuq il-landfills, minflok timxi lejn sistema moderna u sostenibbli kif jixraqlu pajjiż modern Ewropew fl-2026.
Il-pożizzjoni ta’ Malta fl-aħħar tal-klassifika mhijiex każ iżolat u uniku biss għall-enerġija rinnovabbli.
Ċifri riċenti diġà wrew li Malta hija l-uniku pajjiż fl-UE fejn l-intensità tal-emissjonijiet marret għall-agħar mill-2013. Fejn il-pajjiżi l-oħra kollha mexjin ‘il quddiem, Malta sejra lura. Dan ikompli jikkonferma l-falliment sistematiku tal-Gvern ta’ Robert Abela fil-politika tal-enerġija u l-klima. Il-konsegwenzi ta’ dan huma ċari:
- Aktar emissjonijiet u ħsara ambjentali
- Pressjoni akbar fuq il-familji u n-negozji hekk kif jiżdiedu l-obbligi Ewropej
- Ekonomija inqas kompetittiva meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra
F’mument meta l-kumplament tal-Ewropa qed tavvanza, Malta ma tistax tibqa’ lura. Pajjiżna għandu bżonn b’urġenza:
- Pjan ċar u immedjat għall-enerġija rinnovabbli diversifikata, inkluż offshore wind
- Implimentazzjoni tal-impjant waste-to-energy, bi trasparenza u kontabbiltà sħiħa
- Strateġija fit-tul li tmur lil hinn minn soluzzjonijiet short-term u li tħares lejn il-miri Ewropej
It-tranżizzjoni lejn l-enerġija li tiġġedded m’għadhiex għażla. Saret bżonn għall-ekonomija tagħna, għall-ambjent u għall-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Malta jistħoqqilha aħjar milli tkun l-aħħar.
//= $special ?>

