Rapporti investigattivi fil-midja Żvediża qajmu kontroversja qawwija dwar skema ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi fis-settur tal-iskejjel privati fl-Iżvezja, fejn miljuni ta’ kronor Żvediżi allegatament kienu trasferiti lejn pajjiżi barranin permezz ta’ strutturi finanzjarji kumplessi, inkluż Malta. Is-somma sħiħa involuta f’dan l-abbuż ta’ proporzjonijiet enormi qed tkun stmata li tilħaq il-$100 miljun.
Kollox beda b’investigazzjoni twila u komprensiva minn Expressen, ġurnal popolari ħafna fl-Iżvezja. Skont ir-rapport f’din il-gazzetta, is-sistema ta’ finanzjament edukattiva Żvediża – li tippermetti li skejjel indipendenti jirċievu flus pubbliċi għal kull student reġistrat – kienet sfruttata minn network ta’ persuni involuti fl-amministrazzjoni ta’ diversi skejjel. Fost dawn, skont ir-rapport ta’ Expressen, hemm individwi bi rwoli kemm edukattivi kif ukoll reliġjużi, fosthom Imam.
L-investigazzjoni indikat li parti mill-fondi abbużati kienu ġejjin minn riċevuti mhux verifikati u servizzi fittizji u b’hekk kienet miftuħa t-triq biex flus pubbliċi mbagħbsa jidhru bħala nfiq kummerċjali leġittmu. Minn hemm, imbagħad, parti minn dawn il-flus kompliet il-vjaġġ lejn kontijiet u kumpaniji barranin.
Wieħed mill-figuri ċentrali li qed jissemmew f’rapporti fil-midja Żvediża u internazzjonali hu ċertu prinċipal ta’ skola f’Gothenburg li, skont investigaturi, allegatament ittrasferixxa madwar erba’ miljun kronor lejn kont f’Malta qabel ma ħarab lejn l-Eġittu.
Kien għalhekk li fost il-pajjiżi fejn xterdu dawn il-flus imbagħbsa tissemma ripetutament Malta. Ir-rapporti jgħidu li Malta ntużat bħala punt ta’ tranżitu jew reġistrazzjoni ta’ kumpaniji intermedjarji. Skont is-sorsi investigattivi, diversi trasferimenti ta’ valur sinifikanti kienu osservati lejn kontijiet marbutin ma’ strutturi finanzjarji stabbiliti f’Malta.
S’issa madankollu l-ebda qorti Żvediża ma kkonfermat li Malta kienet iċ-ċentru ta’ xi attività kriminali organizzata u lanqas hu magħruf jekk l-MFSA intalbitx mill-awtoritajiet Żvediżi biex tgħinhom fl-istħarriġ tagħhom.
Sadanittant, l-awtoritajiet Żvediżi komplew jinvestigaw każi ta’ frodi u irregolaritajiet finanzjarji fis-settur edukattiv b’diversi individwi diġà akkużati u kundannati għal reati b’rabta ma’ dokumentazzjoni falza u użu ħażin ta’ fondi pubbliċi. F’każi oħrajn, numru ta’ suspettati telqu mill-pajjiż waqt li l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin.
Is-sorsi Żvediżi jikkonfermaw li dan il-każ għadu għaddej b’investigazzjonijiet attivi, b’attenzjoni partikolari fuq trasferimenti finanzjarji barra l-Iżvezja, inklużi dawk marbutin ma’ ġurisdizzjonijiet Ewropej, fosthom Malta. L-awtoritajiet qed jaħdmu mal-entitajiet internazzjonali biex jippruvaw jintraċċaw xi individwi ewlenin marbutin ma’ dan il-każ li għadhom maħrubin, u dan qed jikkomplika ferm il-proċeduri legali.
//= $special ?>

