Opinjoni

Opinjoni: Demokrazija taħt dellijiet twal

Il-Qorti ta’ Berlin (ritratt) ordnat lil X (li kienet Twitter) jiżvela min qed jiffinanzja reklami politiċi favur Viktor Orbán filwaqt li enfasizzat li t-trasparenza hi essenzjali għall-integrità tal-proċess demokratiku.
Allegazzjonijiet ta’ manipulazzjoni tas-sondaġġi u intervent legali jqajmu mistoqsijiet dwar l-elezzjoni fl-Ungerija

Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument

F’kull elezzjoni li ssir f’pajjiż demokratiku hemm il-ġlieda għall-fiduċja tal-poplu iżda meta l-proċess demokratiku jibda jitbagħbas b’manipulazzjoni, flus moħbija, u ‘xiri’ ta’ voti, il-kwistjoni ma tibqax biss min se jirbaħ iżda kif qed jitmexxa proċess li suppost, jew aħjar, għandu jkun, ’il fuq minn kull suspett.
Fil-kuntest tal-elezzjoni fit-12 ta’ April li ġej fl-Ungerija – pajjiż li ssieħeb fl-UE fl-istess jum magħna, l-1 ta’ Mejju 2004 – qed jiżdiedu bil-kbir allegazzjonijiet li ċerti forzi qed jippruvaw jagħtu vantaġġ mhux mistħoqq lill-PM Viktor Orban b’dannu għall-Partit tar-Rispett u l-Libertà mmexxi minn Peter Magyar – li bħall-PN hu msieħeb fil-PPE – u dan qed jagħmluh b’mezzi illeċiti jekk mhux ukoll illegali.

Viktor Orbán

■ Dan hu l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán, il-mexxej tal-partit Fidesz li ilu fil-kariga mill-2010, li qed jiffaċċja elezzjoni kruċjali – fit-12 ta’ April li ġej – fost ħafna allegazzjonijiet ta’ manipulazzjoni tas-surveys u fost skrutinju internazzjonali dwar il-kampanja diġitali tiegħu.

Sondaġġi ‘indipendenti’ jew strumenti tal-poter?

F’dawn l-aħħar snin, ismijiet bħal Századvég Foundation u Nézopőnt Intézet saru sinonimu ma’ sondaġġi (surveys) li b’mod konsistenti juru vantaġġ komdu għall-partit fil-gvern, dak ta’ Orban.
Iż-żewġ istituti huma magħrufin li rċevew direct orders permezz ta’ kuntratti u finanzjament pubbliku sostanzjali minn amministrazzjonijiet immexxija minn Orban tul l-aħħar snin.
Kritiċi awtorevoli jsostnu li dan joħloq konflitt ċar ta’ interess meta dawn l-istess entitajiet jippubblikaw stħarriġ li jsaħħaħ in-narrativa ta’ rebħa kwazi inevitabbli.
Esperti fil-komunikazzjoni politika jfakkru li l-hekk imsejjaħ bandwagon effect jista’ jwassal biex votanti indeċiżi jingħaqdu ma’ min jidher li qed jirbaħ… u li se jirbaħ.
Meta l-perċezzjoni tkun mani-pulata permezz ta’ metodoloġiji mhux wisq trasparenti biex iġibu l-boċċa qrib il-likk, jew jinħbew taħt kliem tekniku bombastiku biex in-nies ma jifhmu xejn, id-demokrazija tispiċċa f’riskju. L-iżvantaġġ il-kbir hu li ftit ikunu dawk fost is-soċjetà ċivili li jkunu lesti li jikxfu l-maskra ta’ min ikun qed jimmanipula elettorat li, sfortunatament, ħafna drabi ma jkunx all’altezza biex jifhem biżżejjed dak l-ingann… kif ħafna qed jibżgħu li qed jiġri fl-Ungerija.

Jekk survey jitħallas
mill-poter
ir-riżultat ma jkunx newtrali

Qorti f’Berlin tordna lil X tiftaħ id-dejta dwar l-elezzjoni fl-Ungerija

F’deċiżjoni li qed tqajjem reazzjonijiet madwar l-Ewropa, il-Qorti tal-Appell f’Berlin ordnat lill-pjattaforma X (li qabel kienet bl-isem ta’ Twitter) tipprovdi informazzjoni relatata ma’ reklamar politiku u kontenut ieħor marbut mal-elezzjoni fl-Ungerija.
It-talba saret minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li sostnew li hemm bżonn trasparenza dwar min kien qed jiffinanzja u jippromwovi messaġġi politiċi mmirati lejn il-votanti Ungeriżi.
Forsi jkun hawn min jistaqsi kif tista’ qorti Ġermaniża tiddeċiedi dwar kwistjoni marbuta ma’ elezzjoni f’pajjiż ieħor. Ir-raġun hi ġurisdizzjonali u legali. Il-kumpanija li topera s-servizz fl-Ewropa – jiġifieri X – għandha preżenza legali u infrastruttura fil-Ġermanja u għalhekk taqa’ taħt il-liġijiet kemm tal-Ġermanja kif ukoll tal-UE dwar trasparenza, protezzjoni tad-dejta u r-regolamentazzjoni tal-pjattaformi diġitali.
Jekk allegat ksur jew nuqqas ta’ trasparenza jseħħ jew ikollu effett fi ħdan il-ġurisdizzjoni Ġermaniża, il-qrati lokali jistgħu jintervjeni anki jekk il-kontenut ikun relatat ma’ elezzjoni ta’ pajjiż ieħor.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili talbu din it-trasparenza dwar min kien il-FINANZJATUR ta’ ċerti riklami politiċi mmirati lejn il-votant Ungeriż. Il-Qorti qalet li l-interess pubbliku fit-trasparenza elettorali jegħleb kull pretensjoni kummerċjali tal-pjattaforma X.
Dan l-iżvilupp jista’ jiftaħ il-bieb għal aktar skrutinju kif il-pjattaformi diġitali jintużaw biex jinfluwenzaw elezzjonijiet nazzjonali – speċjalment meta l-finanzjament u s-sors tal-kampanja ma jkunux ċari.

Il-kompetizzjoni elettorali qed tintlagħab fuq livell ġust?

 Bejn sondaġġi li jqajmu dubji u deċiżjonijiet ġudizzjarji li jfittxu ċarezza, il-mistoqsija tibqa’: il-kompetizzjoni elettorali qed tintlagħab fuq livell ġust? F’elezzjoni deċiżiva bħal dik tal-Ungerija, il-proċess għandu jkun daqstant nadif daqs ir-riżultat innifsu… inkella r-‘rebħa’ tkun dell tqil fuq il-fiduċja
demokratika

It-trasparenza elettorali
ma tiqafx
mal-fruntieri ta’ pajjiż

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 24 ta’ Marzu, 2026.