Opinjoni

Opinjoni: Il-gidba antika

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali,
l-Identità Nazzjonali u d-Djalogu Interkulturali

F’dawn il-jiem fejn ikun sew li d-dinja tieqaf u twaqqaf dak li hu għaddej, wieħed għandu jirrifletti. Filgħodu nisimgħu aħbarijiet li l-paċi għandna naħdmu għaliha; filgħaxija nitgħallmu li minflok il-gwerra ħraxet iktar. Jekk filgħaxija tlabna u ttamajna li d-distruzzjoni umana u ċivili tieqaf, filgħodu qomna naraw il-frott tat-tifrik tal-lejl.
X’sitwazzjoni gravi sħiħa ninsabu fiha, il-mezzi tal-aħbarijiet ma jgħidulniex. Insibu ruħna aljenati u misqija raġunijiet li ma hemmx u motivazzjonijiet li huma għalkollox foloz. Qisu għall-ewwel darba qegħdin f’ċirkostanzi fejn il-vjolenza tiġi ġustifikata fuq dak li wisq tajjeb nafu li ma tistax.

Suldati
F’dan aktar ftakart f’dawk is-suldati li esprimew dawn l-ideat f’kitbiethom. Ġie lura quddiemi l-poeta Wilfred Owen (1893-1918), li ġejt mgħallem il-poeżiji tiegħu li baqgħu miegħi. Dak li kien qiegħed jifhem kemm kollox huwa inutli f’dik l-Ewwel Gwerra Dinjija. Kemm bnedmin kienu sejrin għall-mewt mingħajr ma kien hemm bidu jew tmiem f’dak li kien qiegħed isir.
Wilfred Owen twieled fit-18 ta’ Marzu 1893, mija u erbgħin sena ilu skorruti, u ġie nieqes fil-kamp tal-battalja fl-4 ta’ Novembru 1918, ftit jiem qabel il-11 ta’ Novembru, meta siktet l-Ewwel Gwerra Dinjija. F’dak il-kunflitt imdemmi fejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika lkoll raw il-fjur tal-ġenerazzjoni tagħhom maqtula u midfuna. Għadna sal-lum infakkru dak is-sagrifiċċju u telf.
Owen, dak il-poeta mill-aqwa, miet ta’ ħamsa u għoxrin sena u ħalla warajh numru ta’ poeżiji li jibqgħu jispiraw u jfakkru lil dawk li jridu l-ġid u jixhdu kemm il-gwerra hija żbaljata.

Dulce et Decorum Est
F’dan niftakarni nistudja dik il-poeżija li għandha dan it-titolu, li akkumpanjatni tul ħajti kollha. Fejn il-poeta jispjega tant tajjeb dak li s-suldati, mhux il-kmandanti tagħhom, għaddew minnu. Niftakar fil-kliem li ċerti li oħrajn bħali jiftakru: “Men marched asleep. Many had lost their boots. But limped on, blood-shot. All went lame; all blind; drunk with fatigue; deaf even to the hoots.” Jiddeskrivi dak li sofrew ulied dawn il-popli b’attenzjoni, preċiżjoni u qawwa kbira li tolqot lil dawk li jħossuhom komdi.
Jikkonkludi l-poeżija hekk: “My friend, you would not tell with high zest to children ardent for some desperate glory. The old Lie; Dulce et decorum est Pro patria mori.” (Ħabib, ma kontx tgħid b’tant saħħa lil uliedek li jfittxu xi forma ta’ glorja. Il-gidba l-antika: Huwa ġust, sabiħ u dekoruż u sewwa li tmut għal pajjiżek). Kliem li jfakkruna kemm kliem il-poeti huwa effettiv.

X’vuċijiet
Il-kultura komuni Ewropea tiġi fix-xenarju preżenti tagħna. Aktar u aktar meta f’dan għandna nistaqsu: xi bnedmin huma dawk li għandhom il-kuraġġ li jiddikjaraw li dak li hu għaddej m’għandux ikun?
Min huma dawk li għandhom is-saħħa interna u l-konvinzjoni li jmorru kontra dak li qed jisimgħu u jopponu għalih? Huma persuni li jingħaqdu f’daqqa fl-għarfien li dak li huwa żbaljat ma jistax jiġi ġustifikat. Anzi, żbalji jkattru oħrajn, u dak li ma jistax jiġi solvut jispiċċa iktar ikkumplikat. Tgħoddhom fuq subgħajk dawk tal-lum fid-dinja politika preżenti. U għalhekk, ċertament jispikkaw fid-direzzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jieħdu.
edro Sanchez, il-Prim Ministru Spanjol, kien ċar ħafna f’dan. Kiteb: “No to war. No to unilateral violation of International law. No to repeating the mistakes of the past. No to the idea that the world’s problems can be solved with bombs.” (Le għall-gwerra. Le għall-vjolazzjonijiet unilaterali tal-liġi internazzjonali. Le li nirrepetu l-iżbalji tal-passat. Le għall-ħsieb li l-problemi tad-dinja jiġu solvuti bl-użu tal-bombi).

Warajh
Ftit jiem ilu, ma’ din il-pożizzjoni li sabet ħafna appoġġ, qrajna dak li Joe Kent, li kien id-Direttur tan-National Counterterrorism Centre u nominat mill-istess President, iddikjara: “I cannot in good conscience support the ongoing war in Iran.” (Ma nistax, fil-kuxjenza, nagħti appoġġ lil din il-gwerra li għaddejja fl-Iran). U jkompli: “As a war veteran who was deployed to combat 11 times and as a Gold Star husband who lost his beloved wife Shannon in a war manufactured by Israel, I cannot support sending the next generation off to fight and die in a war that serves no benefit to the American people nor justifies the cost of American lives.” (Bħala veteran tal-gwerra mibgħut għal ħdax-il darba fuq il-kamp tal-battalja u bħala raġel li rċieva l-medalja Gold Star li tilef lill-għażiża martu Shannon fi gwerra maħluqa minn Iżrael, ma nistax nagħti appoġġ lill-pożizzjoni li tintbagħat il-ġenerazzjoni li jmiss biex tiġġieled u tmur fi gwerra li ma sservix lill-poplu Amerikan u li ma tiġġustifikax il-prezz tal-ħajjiet tal-Amerikani.)
Kliem sorprendenti imma ċari u diretti, li fuq naħa jfakkruna fil-ħruxija tal-gwerra u fuq l-oħra jagħtuna l-konfort li għad hawn kuxjenza u għad hawn bnedmin li lesti li jitkellmu fil-miftuħ kontra kull kurrent u interess personali.

Ta’ fuq u ta’ taħt
F’dan hemm il-vuċijiet ta’ dawk li jmexxu, li jridu jieħdu deċiżjonijiet politiċi, u hemm dawk li huma minn taħt. Dawk li jridu jobdu dak li ma jridux jobdu. Dawk li jittamaw li ma jingħatawx direzzjonijiet li ma jridux jieħdu. Il-vuċi tagħhom hija iktar importanti.
Hija dik li l-istorja tikkunsidra, forsi aktar tard mill-eventi rappurtati, kif għamlet b’dik ta’ Wilfred Owen. Il-midja indipendenti u kuraġġuża qed tipprova twettaq dan biex tmiss moħħ u qalb min qiegħed jiżbalja. Kemm għandha, jew kemm se jkollha effett, għad irridu naraw. Biss huwa proċess li minnu nistgħu nagħrfu aktar li d-dinja ma tridx titgħallem. Trid, minflok, tibqa’ fejn hija: wieqfa, tħalli lilha nfisha titlef l-aqwa valuri li għandha biex tieħu dak li m’għandhiex. Il-paċi, il-ġustizzja, il-liġi huma iktar importanti biex il-bnedmin jgħixu u jsibu soluzzjonijiet mill-gwerer.

Inutilità
F’dan m’hemm xejn li jagħti xi forma ta’ glorja lill-bniedem. Hemm id-diżunur li toqtol oħrajn u li tkompli tikkomplika dak li qed immissu miegħu fid-dinja. Dan mhuwiex mod ta’ kif isiru l-affarijiet, iktar u iktar minn dawk li għandhom storja ta’ kif wieħed jasal permezz tad-diplomazija. Minn dan kollu huwa dejjem il-poplu li jbati. Kemm fil-ħajjiet, kif ukoll fit-telf ekonomiku. Bi gwerra u iktar gwerra, l-għoli tal-ħajja mhuwiex se jiġi kontrollat. Se naraw iktar flus minfuqa f’armamenti li jiswew il-biljuni, li flok ikabbru d-dinja u l-ekonomija se jkissru u jżarmaw dak li bnejna. Jekk qabel kien hemm min jiddikjara Dulce et decorum est Pro patria mori, illum niftakru biss li kif kien qalilna l-poeta, hija biss gidba kbira u antika.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 24 ta’ Marzu, 2026.