Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku
Wara snin twal ta’ tmexxija Laburista, Malta qiegħda tiffaċċja realtà li ma tistax tibqa’ tiġi injorata: sensiela ta’ skandli, istituzzjonijiet dgħajfa u mudell ekonomiku li minkejja li ġab il-flus ħoloq problema oħra kbar.
F’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista qed joffri alternattiva serja, sostenibbli u kredibbli biex imexxi lill-pajjiż ‘il quddiem b’responsabbiltà u viżjoni fit-tul. Taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, il-Partit Nazzjonalista ġġedded u issa huwa lest b’viżjoni li ilha tinbena tul l-aħħar snin għal dak li huwa ta’ ġid għal pajjiżna.
Minkejja li għamlu snin jgħajruna negattivi, aħna nibqgħu nsostnu li l-ewwel nett, il-kwistjoni tal-governanza tajba hija fundamentali. Pajjiż modern u demokratiku ma jistax jirnexxi jekk il-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet tkun nieqsa.
F’dawn l-aħħar snin rajna każijiet ripetuti ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, ħatriet kontroversjali u nuqqas ta’ trasparenza li ħallew dell ikrah fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta. Dan mhux biss jolqot il-politika, iżda jaffettwa wkoll l-ekonomija, peress li jinħoloq ambjent ta’ inċertezza li jrażżan l-investiment u jnaqqas il-kompetittività tal-pajjiż.
Ma nistgħux ma nsemmux każijiet kbar bħal tal-Vitals u Stewards, kif ukoll tal-Electrogas. F’dan il-kuntest bilfors ikollna nsemmu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li se tibqa’ tebgħa sewda għall-Gvern Laburista, misjub ħati li ħoloq atmosfera li fiha dan il-qtil seta’ jseħħ.
Il-konsegwenzi ta’ dan kollu huma konkreti. Malta tilfet ir-reputazzjoni tajba li kellha relatata mal-governanza u l-korruzzjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fil-politika naqset b’mod notevoli. Dan kollu huwa riżultat dirett ta’ tmexxija li, minflok issaħħaħ l-istituzzjonijiet, spiss dehret li poġġiethom taħt pressjoni. Il-Gvern Laburista għadda liġijiet infami fil-Parlament u issa qegħdin jitkellmu dwar il-fatt li għax għandhom il-maġġoranza jistgħu jagħmlu li jridu.
It-tieni nett, il-mudell ekonomiku adottat mill-Gvern Laburista għandu difetti serjissimi. Għalkemm jidher li hemm tkabbir ekonomiku, dan huwa mibni fuq pedamenti li mhumiex sostenibbli fit-tul. Dipendenza eċċessiva fuq żieda enormi u mhux sostenibbli fil-popolazzjoni, importazzjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi u kostruzzjoni bla limitu wasslu għal pressjoni kbira fuq l-infrastruttura, it-trasport, is-servizzi tas-saħħa u l-ambjent.
Min qiegħed iġorr il-piż ta’ dan kollu? Il-poplu li jagħmel sigħat kuljum fit-traffiku, sigħat jistenna fl-isptar. Il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini qed tiġi affettwata b’mod dejjem aktar evidenti. Konġestjoni fit-toroq, żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà u fil-kirjiet u tnaqqis fl-ispazji miftuħa huma kollha sintomi ta’ mudell ekonomiku li jiffoka fuq il-kwantità aktar milli fuq il-kwalità.
Dan mhux biss joħloq sfidi immedjati, iżda jpoġġi wkoll piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri. Ma nafx eżatt hux tad-daħk jew tal-biki li filwaqt li l-Gvern ħalla li jinqered l-ambjent b’mod sfaċċat, imbagħad jinawgura b’ħafna pompa spazji miftuħa li ħafna minnhom huma biss bankini wesgħin, jew ġonna iżgħar mill-ġonna li xi wħud li stagħnew a skapitu tal-poplu għandhom fil-vilel tagħhom.
Barra minn hekk, id-dejn pubbliku kompla jiżdied, u dan ifisser li l-pajjiż qed jidħol f’obbligi finanzjarji li jistgħu jillimitaw l-investiment fil-prijoritajiet essenzjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali. Ekonomija b’saħħitha mhijiex biss waħda li tikber, iżda waħda li hija reżiljenti, bilanċjata u kapaċi toffri opportunitajiet ta’ kwalità.
Hawnhekk jidħol il-Partit Nazzjonalista bħala forza ta’ bidla. Aħna qegħdin nipproponu mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq l-innovazzjoni, it-teknoloġija u ħiliet għoljin. Minflok niddependi fuq tkabbir bla limitu fil-popolazzjoni, il-PN irid ekonomija li toħloq valur miżjud, tattira investiment ta’ kwalità u toffri pagi aħjar lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar. Jekk niffukaw fuq turiżmu ta’ kwalità, f’ambjent sabiħ u nadif, jista’ jkollna ħajja aħjar għal kulħadd.
Barra minn hekk, il-PN jagħraf li l-ambjent u l-ekonomija mhumiex kontra xulxin, iżda jistgħu jimxu id f’id. Viżjoni sostenibbli tfisser li l-iżvilupp isir b’mod li jħares ir-riżorsi naturali tal-pajjiż u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan jinkludi investiment f’enerġija nadifa, ippjanar urban aħjar u protezzjoni akbar tal-ispazji pubbliċi.
Il-pajjiż jeħtieġ tmexxija li taħseb ‘il quddiem u li tippjana b’mod serju. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għażla quddiem il-poplu Malti hija waħda fundamentali. Jista’ jkompli jsegwi mudell li mhux igawdi minnu kulħadd u li wassal għal ħafna problemi fil-kwalità ta’ ħajjitna, jew jista’ jagħżel triq ġdida mibnija fuq responsabbiltà, trasparenza u sostenibbiltà. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-esperjenza, il-kompetenza u l-viżjoni biex iwassal din il-bidla.
Malta jistħoqqilha aħjar. Biex dan iseħħ, hemm bżonn tmexxija li mhux biss tirreaġixxi għall-problemi, iżda li tipprevedihom u tindirizzahom b’serjetà u integrità. Din hija l-viżjoni li qed joffri l-Partit Nazzjonalista – viżjoni għal futur aktar ġust u sostenibbli għal kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

