Lokali

Pjan ċar dwar il-proposta tal-Partit Nazzjonalista għat-tnaqqis tal-VAT

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar dwar kif se jkun qed iwettaq it-tnaqqis tal-VAT għall-istabbilimenti tal-catering. U dan ġiet imtenni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta spjega mal-midja illi diġa’ tlestew il-costings, l-istudji kollha u anke minn fejn se jkun qed jiġi ffinanzjat dan t-tnaqqis fil-VAT lir-ristoranti u l-istabbilimenti tal-catering.

Fl-aħħar jiem Alex Borg wiegħed illi Gvern immexxi minnu se jkun inaqqas il-VAT għall-istabbilimenti tal-catering minn 18% għal 7% – kif huma stess ilhom jitolbu snin. Dan se jaffetwa lil mijjiet ta’ sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel u anke kiosks, kif ukoll lill-ħaddiema tagħhom – u allura, se jkun hemm eluf ta’ persuni li jintlaqtu minn din l-inizjattiva tant importanti.

Alex Borg spjega li l-Partit Nazzjonalista tkellem mal-esperti u f’idejh għandu l-costings, minn fejn se jkunu qed jiġu l-flus biex isir dan it-tnaqqis fil-VAT, u anke l-frott li se tkun qed tħalli miżura bħal din għan-negozji tal-catering f’pajjiżna.

Mal-MaltaToday, Alex Borg aċċerta illi l-proposta hija vijabbli u tista’ titħaddem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar settur ekonomiku ġdid li se jkun qed iressaq ‘il quddiem u li f’pajjiżna attwalment ma jeżistix; settur li qed timbotta ħafna l-Unjoni Ewropea u li Gvern ġdid Nazzjonalista kommess li jiżviluppah anke f’Malta.