Daniel Privitera kien qed jaffaċċja akkużi marbuta ma’ allegat inċident li seħħ fil-25 ta’ Settembru 2023 fi Triq Sant’Anġlu, Birżebbuġa. Skont il-verżjoni tal-ilmentatur, il-kwistjoni bdiet meta l-imputat ħalla l-kelb tiegħu jagħmel il-bżonnijiet fuq pjanta li kienet barra r-residenza tiegħu.
Il-persuna li ressqet l-ilment allegat li waqt il-konfront, Privitera indirizzah b’insulti relatati mal-orjentazzjoni sesswali tiegħu u saħansitra rrekordjah bil-mowbajl. Qal ukoll li f’episodji oħra, l-imputat allegatament hedded li joqtol qattus u kien jgħaddi bil-karozza b’veloċità għolja qrib tiegħu, filwaqt li jipprova jqanqal lill-kelb tiegħu kontra l-annimal domestiku tiegħu.
Meta xehed, Privitera sostna li r-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat kienet diġà tensjonata qabel dan l-inċident. Huwa ċaħad l-akkużi relatati ma’ dak il-jum partikolari, għalkemm ammetta li xi drabi seta’ uża lingwaġġ offensiv fil-passat.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Maġistrat Monica Vella spjegat li dawn l-akkużi jaqgħu taħt kontravenzjoni li trid titressaq fi żmien tliet xhur. Il-Qorti nnutat li ma kien hemm ebda prova li l-imputat ġie notifikat bl-akkużi fi żmien xieraq.
Minħabba n-nuqqas ta’ evidenza dwar notifika formali, il-Qorti kellha tqis id-data tal-ewwel dehra tiegħu fil-Qorti — is-16 ta’ Diċembru 2024 — bħala dik rilevanti. Dan ifisser li kien għadda perjodu ta’ madwar sena u tliet xhur mill-allegat każ, ferm lil hinn mil-limitu legali.
Għalhekk, il-Maġistrat iddeċidiet li l-każ kien preskritt u ma setax jitkompla, u b’hekk Privitera ġie meħlus minn kull akkuża.


