Artiklu fil-media tal-Lussemburgu faħħar il-progress li għamlet Malta fl-aħħar snin, iżda attribwixxa dan it-titjib għall-fatt li l-MFA għażel li jsaħħaħ l-iskwadra nazzjonali bi plejers li għandhom għeruq Maltin u li jilgħabu f’Kampjonati barranin u aħjar minn dak Malti.
F’kummenti li l-kowċ nazzjonali tal-Lussemburgu, Jeff Strasser ta lill-media ta’ pajjiżu, hu qal li Malta “sfruttat ir-regolamenti tal-UEFA u l-FIFA biex tinkludi plejers b’konnessjonijiet Maltin, xi ħaġa li ħafna pajjiżi jagħmlu.”
Strasser sostna li dawn ir-regoli dwar l-oriġini tal-plejers kultant huma kumplessi, iżda “Malta użathom b’mod intelliġenti biex tissaħħaħ fuq livell internazzjonali.”
Filwaqt li Strasser ma qal xejn li m’huwiex vera, jidher li nesa jew sal-lum għadu ma jafx, li ħafna mill-plejers fit-tim tiegħu għandhom għeruq f’pajjiżi oħra, tant li kważi nofs il-popolazzjoni tal-Lussemburgu hi komposta minn ċittadini li ġejjin minn pajjiżi bħal Franza, il-Ġermanja, l-Iżvizzera, il-Portugall, il-Belġju u saħansitra anke minn Cape Verde, li marru jgħixu f’dan il-pajjiż għal żmien temporanju jew jibqgħu jgħixu b’mod permanenti f’pajjiż li m’għandhom ebda għeruq tiegħu. Minħabba f’hekk, dawn in-nies isiru ċittadini, b’passaport tal-Lussemburgu.
L-iskwadra li sejjaħ l-istess kowċ Stresser, tinkludi numru bil-wisq iktar minn dak li għandha Malta, ta’ plejers li għandhom għeruq minn pajjiżi oħra, tant kemm hu hekk li nhar il-Ħamis li għadda, l-istess lista kienet tinkludi liż-żagħżugħ promessa ta’ 18-il sena, Fabio Domingos ta’ Paris Saint-Germain.
Il-ġenituri ta’ Domingos m’humiex mil-Lussemburgu, iżda t-tnejn li huma twieldu u ġejjin minn Cape Verde. L-uniku rabta li Domingos għandu mal-Lussemburgu hi dik li twieled f’dan il-pajjiż, wara li l-ġenituri tiegħu kienu ħallew pajjiżhom biex jibdew ħajja fil-Lussemburgu. Minħabba f’hekk, Domingos hu eliġibbli biex jirrappreżenta lill-Lussemburgu, tant li lagħab mat-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ tal-Lussemburgu.
Wara li Strasser sejjaħ lil Domingos għaż-żewġ partiti kontra Malta, fejn kien mistenni jiddebutta mat-tim tal-kbar tal-Lussemburgu u b’hekk, it-talent ta’ PSG kien ikun qed jintrabat li jilgħab għal-Lussemburgu, Cape Verde sejħulu biex ikun inkluż fl-iskwadra nazzjonali tagħhom.
Cape Verde hu wieħed mill-pajjiżi li għall-ewwel darba se jkun qed jilgħab fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, u Domingos għandu passaport minn dan il-pajjiż, peress li hu iben ta’ ġenituri minn Cape Verde. L-għada li Strasser ħabbar l-iskwadra għal kontra Malta, Domingos informa lill-Federazzjoni tal-Futbol tal-Lussemburgu, li kien biddel fehmtu, u kien qed jaċċetta li jirrapreżenta lil Cape Verde u mhux lil-Lussemburgu.
Sintendi wieħed jifhem għalfejn Domingos ħa din id-deċiżjoni, bl-istess mod li ftit tal-jiem ilu, il-Malti-Awstraljan, Dylan Scicluna, għażel li jilgħab għall-Awstralja u mhux għal Malta, la darba dan se jkollu ċans, li kull plejer fid-dinja joħlom li jkollu, li jilgħab f’edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Madankollu l-frustrazzjoni tad-deċiżjoni li ħa Domingos u li urtat bil-kbir lill-kowċ tal-Lussemburgu Strasser, waslitu biex jinsa l-għeruq tal-plejers li jiffurmaw it-tim tiegħu, u ta x’jifhem li l-progress ta’ Malta hu dovut għal regolamenti li jaġevolaw biss lil Malta u mhux lil-Lussemburgu.
//= $special ?>

