It-Tlieta filgħaxija il-Fondazzjoni Peter Serracino Inglott fakkret il-memorja ta’ Peter Serracino Inglott fl-14-il anniversarju mill-mewt tiegħu.
F’diskors li wasslet l-eks President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb hija qalet li b’tmexxija għaqlija l-Intelliġenza Artifiċjali għandha tisqi l-ħiliet u s-saħħa tal-bnedmin. Iżda qalet ukoll li jekk ma nkunux attenti, nitkaxkru, insiru anqas kapaċi, u l-Intelliġenza Artifiċjali stess ma tilħaqx il-potenzjal tagħha.

Marisa Xuereb fissret x’bidliet hemm bżonn fl-edukazzjoni, il-post tax-xogħol u l-kultura demokratika. Dan apparti li Sellmet lil Fr Peter għall-għarfien bikri u l-analiżi tiegħu tal-isfidi u l-għażliet quddiemna.
Qabel it-taħdita saret Quddiesa mir-Rev. Jean Govè, li huwa r-rappreżentant tas- Santa Sede fil-Kummissjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-Kunsill tal-Ewropa.
Matul l-attività, Louis Galea, President tal-Fondazzjoni, nieda in-network il-ġdid “Ħbieb ta’ PSI”, komunita ta’ voluntiera li se tgħin fit-tixrid tal-wirt u l-viżjoni ta’ Fr Peter.

Għaldaqstant preżenti għal din l-attività kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.


Il-Fondazzjoni Peter Serracino Inglott, ġiet imwaqqfa fl-2024, u se tkompli taħdem biex tħares u ssaħħaħ il-wirt tiegħu dwar id-dinjità tal-bniedem, l-edukazzjoni, is-solidarjetà, il-kultura u l-ambjent.
L-arkivji tiegħu jinsabu fil-Monasteru San Pietru fl-Imdina, filwaqt li l-kotba tiegħu huma miżmuma f’taqsima ddedikata lilu fil-Librerija tal-Università ta’ Malta, fil-Belt Valletta.






