Il-qawwiet tar-Russja, waqt bumbardamenti ġodda fuq l-Ukrajna, qatlu talanqas għaxar ċivili qalb id-diversi zoni li ntlaqtu mill-missili u d-drones.
Dan wara sensiela ġdida ta’ attakki mill-ajru li kkonċentraw fuq numru ta’ reġjuni Ukreni.
Ir-raid fuq l-Ukrajna kien l-agħar wieħed f’dawn il-ġimgħatejn. U seħħ ftit sigħat biss wara li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, kien wissa dwar offensiva kbira oħra mill-ajru fuq pajjiżu.
L-Ukreni kkalkulaw li r-Russi, f’dawn l-attakki, użaw diversi tipi ta’ missili ballistiċi u oħrajn iggwidati b’sistemi ta’ preċiżjoni – dan minbarra mijiet ta’ drones.
Filwaqt li ħafna minn dawn il-missili u d-drones kienu interċettati mid-difiżi tal-Ukreni, it-tmexxija fi Kiev temmen li hi ‘imminenti’ sensiela ġdida ta’ attakki mill-ajru aktar intensivi matul il-ġranet li ġejjin.
Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky qal li din is-sitwazzjoni qed turi li l-Ukrajna teħtieġ dejjem aktar protezzjoni mingħand l-Alleati tal-Punent biex ma jmutux aktar ċivili waqt l-assedju mill-ajru.
Ir-Russi, fl-aħħar sigħat, sparaw ukoll il-missili lejn l-infrastruttura tal-enerġija; bir-riżultat li l-missili anki qatgħu il-link tal-enerġija tal-Moldova, pajjiż ġar tal-Ukrajna.
Fil-fatt, il-President tal-Moldova wissiet li s-sitwazzjoni partikulari f’pajjiżha kienet pjuttost waħda fraġli.
//= $special ?>

