Lokali

WELLBEING INDEX 2026: In-nies huma l-anqas sodisfatti bil-ħin u l-finanzi

Il-ħin, is-solitudni, in-nervi u problemi bl-ambjent u bl-istorbju huma l-fatturi ewlenin li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jinsabu l-inqas sodisfatti bihom.

Dan ħareġ it-Tlieta filgħodu hekk kif ġew preżentati r-riżultati tal-Wellbeing INDEX – riżultati li jirriflettu kif kienu qed iħossuhom iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin matul is-sena 2024.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Matul din il-preżentazzjoni ntqal li l-aktar popolazzjoni densa f’pajjiżna tinsab fir-reġjun tan-naħa ta’ fuq tal-port; li tinkludi l-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u l-Imsida; dan filwaqt li matul is-snin komplew jiżdiedu n-nies waħedhom u jew li sseparaw.

Ġie spjegat li n-nies huma l-inqas sodisfatti bil-ħin u l-finanzi. U wara hemm l-impjieg.

Minn naħa l-oħra, skont l-analiżi li saret, in-nies huma l-aktar sodisfatti f’aspett ta’ relazzjonijiet.

In-nuqqas ta’ sodisfazzjon inħass l-aktar fost ‘single parents’ kif ukoll minn dawk li huma ġenituri ta’ żewġt itfal kaġun tal-ħin li n-nies qed iqattgħu fit-traffiku.

F’kummenti ma’ Net News il-Professur Marie Briguglio saħqet fuq l-importanza li tiġi ndirizzata l-kwalità tal-ħin.

F’dan l-istudju, 160,000 persuna qalu li qed idejjaqhom l-istorbju fit-toroq.

Dan filwaqt li 180,000 persuna qalu li qed idejjaqhom it-tniġġis.

Imbagħad, ‘il fuq minn 64,000 qed iħossuhom aktar nervużi fil-ħajja ta’ kuljum.

Żdiedu wkoll in-nies li qed iħossuhom inqas siguri f’pajjiżna.

Minn naħa tagħha, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca spjegat illi minkejja li kien hemm xejra pożittiva fil-WellBeing Index xorta waħda trid tkompli l-ħidma sabiex ikunu ndirizzati l-ħtiġijiet ta’ dawk in-nies li ma jħossuhomx sodisfatti.

Din il-preżentazzjoni ġiet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister Jerome Caruana Cilia li aċċenna fuq il-fatt li t-tkabbir ekonomiku waħdu ma jsarrafx fi kwalità tal-ħajja. Huwa qal li hu ferm inkwetanti li qed inkomplu naraw żieda fis-solitudni.

Jerome Caruana Cilia qal li l-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jisħaq fuq l-importanza li l-ekonomija tħares aktar lejn il-kwalità.

Il-proġett tal-Wellbeing Index ġie mniedi ħames snin ilu mill-MFWS u l-Università ta’ Malta u jservi bħala repożitorju importanti ta’ statistika u evidenza dwar il-ġid tal-Maltin, li jmur lil hinn mill-Prodott Gross Domestiku sabiex jifhem kif in-nies iħossuhom fil-ħajja ta’ kuljum.