“Importanti li nkomplu ninvestu fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna u nappoġġjaw negozji li joħolqu valur miżjud reali għall-ekonomija Maltija.”
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg meta żar il-kumpanija Fino fl-Imrieħel – kumpanija Maltija li twaqqfet fl-1935 u li topera fis-settur tal-għamara u l-interior design.
Matul iż-żjara tiegħu, Alex Borg iltaqa’ mal-ħaddiema u dar mal-faċilitajiet tal-kumpanija fejn seta’ jara mill-qrib il-prodotti moderni li toffri din il-kumpanija.Waqt laqgħa li kellhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, it-tmexxija ta’ Fino qasmet miegħu l-isfidi li qed taffaċċja – fosthom iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u l-kompetizzjoni minn pajjiżi oħrajn.F’kummenti lil Net News, Alex Borg tenna li l-intrapriżi kemm żgħar u anke kbar jeħtieġ ikomplu jiġu appoġġjati sabiex ikunu jistgħu jikkompetu kemm fis-suq lokali kif ukoll barra minn Malta.






Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-kumpanija, Kevin Tabone, tkellem magħna dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw bħala kumpanija u l-aspirazzjonijiet li għandhom għall-futur.
Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers, Graziella Attard Previ, Ryan Callus u Eve Borg Bonello.


