Lokali Saħħa

Approvati l-emendi xprunati għal snin twal mid-deputat Ivan Bartolo

Il-Parlament approva b’mod unanimu l-liġi dwar id-donazzjoni tal-organi, biex issa sar permessibbli li jiġu trasferiti l-organi b’mod aktar faċli.

Din ir-riforma għandha l-potenzjal li żżid id-donazzjonijiet f’pajjiżna b’50%, f’benefiċċju partikolari għal dawk li qed jistennew trapjant tal-kliewi.

Dwar dan is-suġġett kien ilu jitkellem għal snin dwal id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo. U issa, il-Gvern u l-Oppożizzjoni waslu għal qbil.

Sal-lum il-ġurnata, is-sitwazzjoni kienet li donazzjoni ta’ organi, tessuti jew ċelloli umani, tiġi kkunsidrata biss għal dawk il-persuni li jkunu ċċertifikati mejtin mentalment (brain dead) u l-persuna ma tkunx tista’ tirkupra. Din il-prassi, bil-liġi l-ġdida, issa inbidlet.

Is-servizz tad-donazzjonijiet se jiġi estiż għal dawk li mietu anke mewt ċirkolatorja, jiġifieri meta l-qalb tal-bniedem ma tkunx kapaċi tmexxi ċ-ċirkolazzjoni tad-demm kif suppost, essenzjali biex l-organi tal-ġisem jiffunzjonaw.