BirdLife Malta ippubblikat rapport ġdid li juri b’mod ċar it-tnaqqis kontinwu u allarmanti tal-Gamiema, Streptopelia turtur. Ir-rapport huwa bbażat fuq il-pubblikazzjoni tal-aħħar dejta tar-rapportaġġ tal-Artikolu 12 tal-UE (2019–2024). Id-data l-ġdida, li tirrappreżenta l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli, turi li 13 minn 15-il pajjiż fir-rotta tal-passa ċentrali-tal-Lvant, li tagħmel parti minnu Malta, qed jirrappurtaw tnaqqis fil-popolazzjoni tal-Gamiema.
It-tnaqqis ġenerali jaqbeż it-23%. Dan jikkonferma li l-Gamiema, li diġà hija klassifikata bħala Vulnerabbli, qed tkompli tonqos tul il-medda minn fejn tpassi.
Minkejja dan, wara moratorju bejn l-2017 u l-2021, Malta reġgħet fetħet listaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema kull sena mill-2022 ‘il quddiem.
Ir-rapport juri li l-estimi preċedenti rrappurtati mill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) lill-Kumitat Ornis, li fihom ġie konkluż li l-popolazzjonijiet tal-Gamiem li jgħaddi minn fuq Malta kienu stabbli jew qed jiżdiedu, kienu bbażati fuq data skaduta u metodoloġija difettuża. Ir-rapport jemfasizza wkoll in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa rekwiżit ewlieni taħt il-liġi ambjentali tal-UE, partikolarment għal speċi fi stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli.
Ir-rapport jikkonkludi wkoll li l-kundizzjonijiet legali u xjentifiċi meħtieġa biex tiġi ġġustifikata deroga għall-kaċċa fir-rebbiegħa mhumiex sodisfaċenti.
Jiddetermina li l-applikazzjoni kontinwa tal-kaċċa fir-rebbiegħa tal-Gamiema f’Malta ma tistax tiġi ġġustifikata.


