Lokali Mużika

Devil’s Ride – It-tieni album ta’ Upper Lip

Noel D’Anastas

Upper Lip qed jagħtina t-tieni album tagħhom Devil’s Ride – album bi tmien kanzunetti mimlija enerġija li jimmarka evoluzzjoni aktar kuraġġuża u iktar mudlama mill-album debuttanti Deep Within.

Upper Lip li ġej minn Għawdex kien iffurmat fl-2013. Huwa magħmul minn Chris Portelli (vuċi), Joseph Azzopardi (kitarra/songwriter), u Marcel Paul Grima (bass). Bejniethom joħolqu l-ħoss nostalġiku tal-hard rock u metal u ma jonqsux l-influwenzi tal-AC/DC u Rush fost oħrajn.

Wara s-suċċess tal-ewwel album tagħhom, Deep Within, f’dan l-album il-ġdid Upper Lip jesplora t-tradiment minn dawk ta’ madwarna, il-piż tal-ġlidiet interni, u d-dualità eterna bejn it-tajjeb u l-ħażin. Għalkemm it-temi huma profondi, l-album fl-aħħar iwassal messaġġ qawwi ta’ tama – sejħa għal għaqda u reżiljenza quddiem l-uġigħ, id-diffikultajiet u l-forzi li jippruvaw jaqsmu u jeqirdu.

Mużikalment, Devil’s Ride fih taħlita ta’ elementi, fosthom l-ispirazzjoni tal-blues ta’ Rory Gallagher, it-testuri akustiċi ta’ Bert Jansch, u l-ħila tar-riffs li kien magħruf għalihom Jimmy Page. Ma’ dawn l-influwenzi, Upper Lip iġib il-grinta ta’ Guns N’ Roses u l-enerġija ta’ The Who u jagħmlu album interessanti li fih qed jgħożżu l-era tad-deheb tar-rock.

Dan huwa evidenti fil-kanzunetta ‘The Castle’ li tidħol b’mod kuraġġuż f’xenarju aktar tqil, b’versi li jħaddnu l-elementi klassiċi tal-heavy metal u ton mudlam li jfakkrek fil-Black Sabbath, u b’hekk qed iżid atmosfera aktar ominuża fil-pajsaġġ soniku tal-album.

Il-mużika u l-lirika kollha tas-siltiet f’dan l-album inkitbu minn Joseph Azzopardi, li juri l-viżjoni kreattiva u l-artistrija tas-songwriting tiegħu.

Devil’s Ride ġie rrekordjat fit-Temple Studios fil-Mistra bi produzzjoni ta’ David Vella, li wkoll kien ipproduċa l-album preċidenti.

Devil’s Ride huwa disponibbli biex jinxtara mill-websajt uffiċjali ta’ Upper Lip fuq www.upperlipmusic.com, u jista’ jinstema’ wkoll fuq il-pjattaformi diġitali ewlenin kollha tal-mużika.