Noel D’Anastas
The Great Divide huwa l-isem tal-ħames album ta’ Different Strings li għadu kemm inħareġ f’dawn il-jiem.
The Great Divide huwa concept album li jesplora temi kumplessi bħall-mard mentali, anakroniżmu, u l-esperjenza ta’ persuna li tħossha barra minn postha. Mużikalment, dan l-album huwa immirat għal dawk li japprezzaw il-mużika rock progressiv tas-snin sebgħin u r-rock klassiku li tispikka l-kitarra u l-keyboards, arrikkit b’influwenzi klassiċi.
L-album jiġbor fih sitt kanzunetti f’aktar minn siegħa ta’ ħoss progressiv karatterizat mal-istil ta’ Different Strings. Fost is-siltiet insibu żewġ kompożizzjonijiet epiċi li jdumu 18 u 22 minuta rispettivament, flimkien ma’ erba’ kanzunetti iqsar. Fost dawn hemm ‘Words Unspoken,’ li ġiet remixed mill-ġdid biex tittejjeb il-kwalità tal-ħoss u remastered sabiex l-album ikun aktar koerenti sonikament, u ‘Apathy Symphony,’ li wkoll ġiet remastered biex tiżgura esperjenza mużikali aktar uniformi.
F’dan il-proġett, Chris Mallia ikkollabora ma’ erba’ kantanti internazzjonali, kor gospel, u sassofonista. L-album jinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tal-keyboardist rinomat Derek Sherinian, li jdoqq il-Hammond organ u l-partijiet kollha tal-keyboards fuq il-kanzunetta ‘Words Unspoken’.
The Great Divide se jinħareġ kemm f’format diġitali kif ukoll f’edizzjoni limitata CD digipak. Id-data tal-ħruġ tal-verżjoni digipak se titħabbar aktar ’il quddiem. L-album se jkun disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali ewlenin kollha (ħlief Spotify) kif ukoll permezz tal-paġna uffiċjali tal-band fuq Bandcamp.
Different Strings jixtiequ li l-ammiraturi tagħhom jixtru l-album direttament mingħand il-band, peress li dan l-appoġġ finanzjarju jikkontribwixxi direttament lejn aktar proġetti fil-futur.
Għal aktar dettalji, ikteb lil differentstrings@hotmail.com.Noel D’Anastas
//= $special ?>

