Malta rreġistrat l-akbar żieda fil-prezzijiet f’dak li għandu x’jaqsam ikel u xorb mhux alkoħolika fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea – b’żieda fl-2024 ta’ 4.7%.
Ċifri maħruġin mill-Eurostat urew li bejn l-2014 u l-2024, il-medja Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam żieda fil-prezzijiet fis-sena kienet ta’ madwar 2.5%. Madanakollu f’Malta ż-żieda kienet ta’ ftit inqas minn 5% – konferma ċara li l-Gvern baqa’ ma għamel xejn biex jiġġieled il-pjaga tal-inflazzjoni u ż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.
Iċ-ċifri uffiċjali juru li l-prezz tal-ikel f’Malta huwa l-ħames l-ogħla fl-Unjoni Ewropea wara l-Lussemburgu, Danimarka, Irlanda u Franza – fejn ċertament il-pagi huma ferm iżjed minn dawk imħallsin f’pajjiżna.
Dan hekk kif il-paga medja fil-Lussemburgu u d-Danimarka hija ta’ aktar minn €6,300 fix-xahar, filwaqt li fl-Irlanda hi madwar €3,600.
Salarji li jiżbqu sew il-paga medja Maltija; madanakollu l-prezzijiet tal-ikel sfortunatament xorta waħda huma relattivament simili. Fl-aħħar ġimgħat, l-istess Eurostat kien wera li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta tiżboq sew il-medja Ewropea. Bl-aħħar survey tal-MaltaToday jikkonferma li l-għoli tal-ħajja u l-piż tal-prezzijiet huwa l-akbar inkwiet li qed jaffaċjaw bħalissa l-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>

