Lokali Saħħa

Il-Gvern għalaq l-Early Pregnancy Unit ta’ Mater Dei – rapporti dwar numru ta’ pazjenti fil-kuriduri

Ritratt: Martin Agius

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) tefgħet dawl fuq is-sitwazzjoni diffiċli li hemm bħalissa fl-Isptar Mater Dei, fejn qed jerġgħu jispikkaw xeni ta’ pazjenti fil-kuriduri u zoni sħaħ mimlija bi stretchers. Dan hekk kif l-isptar mhux ilaħħaq mad-domanda u maż-żieda straordinarja fil-popolazzjoni.

Fi stqarrija, l-MUMN spjegat li ħafna pazjenti qed jispikkaw jingħataw kura fil kuriduri minħabba nuqqasijiet kbar minn naħa tal-Ministeru tas-Saħħa. Bit-tort jintefa’ fuq il-fatt li l-Gvern naqas milli jimplimenta proġetti maġġuri fis-saħħa.

Apparti minn hekk, l-MUMN żvelat ukoll li l-Gvern spiċċa għalaq dak li jissejjaħ Early Pregnancy Unit. Bir-raġuni tkun li din is-sala speċifika spiċċat tintuża minn pazjenti oħrajn – minħabba li l-Gvern baqa’ ma nvestiex fl-isptarijiet tagħna.

L-Early Pregnancy Unit kienet twaqqfet apposta biex tagħti privatezza lil nisa li jkunu esperjenzaw korriment, jew ommijiet li jkollhom ħlas qabel iż-żmien. Biex issa, dawn in-nisa qed jinżammu ma’ ommijiet oħrajn li jkunu għadhom kif welldu.

Fl-istess stqarrija intqal ukoll li z-zona imsejħa Theatre Recovery Area kif ukoll l-Endescopy spiċċa mimlija każijiet mediċi. Dan, fi kliem l-MUMN, ifisser li qed nispiċċaw nilgħabu mas-saħħa u s-sigurtà tal-pazjent.