Futbol Sport

Il-kowċ tal-Lussemburgu kawt u b’kliem mill-inqas lejlet l-ewwel logħba

Jeff Stasser
Jeff Stasser

Jeff Stasser ma jridx jikxef ebda karta qabel l-ewwel partita minn tnejn kontra Malta, u fil-konferenza tampa ta’ qabel il-logħba li saret il-lejla f’Ta’Qali, meta mistoqsi dwar it-tim Malti, bħala l-avversarju għall-konfront ta’ għada, hu kien kawt ħafna. Strasser, li dejjem tkellem fil-pożittiv dwar is-saħħa u l-kwalitajiet tal-Maltin, qal biss li fl-aħħar ġimgżħat għamel analiżi dettaljata dwar l-istil ta’ futbol li tilgħab Malta, madankollu ma riedx jiżvela aktar informazzjoni.

L-eks plejer tal-Lussemburgu, ikkonferma li l-iskwadra kollha hija disponibbli u li konċentrazzjoni ta’ kull plejer fit-tim bħalissa għandha tkun biss fuq il-logħba tal-lejla f’Ta’Qali. Għaldaqstant, Strasser irrifjuta li jikkumenta jew jagħti xi pronostiku dwar il-logħba, anke għaliex fi kliemu stess ma jridx joħloq pressjoni żejda.

Huwa saħaq fuq l-importanza li jżommu l-konċentrazzjoni tul id-90 minuta u li l-mira tagħhom, anke jekk se jkunu qed jilgħabu barra minn dahrom, għandha tkun rebħa għada u rebħa oħra nhar it-Tlieta li ġej meta tintlagħab it-tieni leg minn din il-play-off.

Fl-istess konferenza stampa, tkellem ukoll id-difensur ta’ 28 sena, Florian Bohnert li mistenni jkun mal-ewwel ħdax tal-Lussemburgu fil-partita ta’ għada. Għal Bohnert, il-konfront kontra Malta se jkollu sinifikat partikolari, għaliex se jkun qed jilgħab is-60 logħba tiegħu bil-flokk ta’ pajjiżu.

Bohnert jilgħab mal-klabb Franċiz f’Ligue 2, SC Bastia; fl-istess Kampjonat li preżentament qed jilgħab l-attakkant internazzjonali Malti, Irvin Cardona. Hu qal li l-preżenza ta’ madwar 300 partitarju Lussemburgiż f’Ta’ Qali għall-partita ta’ għada, għandha sservi għaliħ u għal sħabu bħala motivazzjoni żejda. Huwa fakkar ukoll fil-logħba deċiżiva kontra l-Ġeorġja sentejn ilu, liema esperjenza, minkejja li t-tim ħareġ tellief, kienet għenet lil-Lussemburgu sabiex jiksbu aktar maturità u jassorbu pressjoni ta’ partiti daqstant importanti bħal m’hi dik ta’ għada.

Bohnert enfasizza li l-esperjenza se tkun kruċjali, speċjalment meta hu mistenni li għal-logħba ta’ għada se jkunu qed jilgħabu f’stadium fejn se jkun qed jilqa’ 10,000 partitarju Malti li se jkunu qed jagħti l-appoġġ kollu li jista’ lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu. B’referenza għas-sensiela ta’ riżultati negattivi u diżappuntanti li l-Lussemburgu kellhom fl-aħħar ħarġiet tagħhom, Bohnert awgura li dik ta’ għada f’Ta’Qali, tkun il-logħba li tagħti bidu għal ċiklu ġdid u pożittiv fejn il-Lussemburgu jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.